Internazzjonali

Il-Papa Franġisku: Il-mument kbir ta’ kriżi għadda… iżda għadu xorta suġġett għall-moniteraġġ kontinwu

Il-mument ‘kbir’ ta’ emerġenza għall-Papa Franġisku batta, matul il-lejl tas-Sibt u l-Ħadd u wara li hu spiċċa jsofri dik li t-tobba jsejħulha bħala ‘kriżi respiratorja’. 

Fil-fatt, il-Papa, fl-aħħar sigħat, kien iddikjarat  ‘pjuttost stabbli’ waqt li rikoverat fl-Isptar ta’ Agostino Gemelli, f’Ruma. Madankollu, is-sitwazzjoni tiegħu xorta għadha waħda kritika.

Il-Papa – skont il-proċedura — qed jingħata l-ammonti għoljin tal-ossiġinu biex jieħu n-nifs. Dan meta qed isirulu wkoll diversi testijiet mediċi .

Intant, id-diskors tal-Anġelus mill-Papa (ippubblikat minn qabel) kien wieħed ta’ inkoraġġiment lid-dekani biex ikomplu bis-servizzi tagħhom.

Il-Papa anki wassal messaġġ, mill-isptar, li fih irringrazzja lit-tobba u l-ħaddiema tas-saħħa talli qegħdin jieħdu ħsiebu u ħsieb il-pazjenti l-oħra fl-Isptar Gemelli fejn jinsab taħt il-moniteraġġ kontinwu.

Fil-kliem tal-Anġelus, il-Papa anki fakkar li għada, it-Tnejn, hu t-tielet anniversarju tal-Gwerra fl-Ukrajna waqt li fisser il-ġurnata bħala ‘anniversarju iswed u ta’ għajb għall-umanità’.

 Filwaqt li esprima solidarjetà mal-poplu Ukren, il-Papa, permezz tad-diskors ippreparat, ħeġġeġ biex id-dinja tiftakar fil-vittmi tal-konflitti armati kollha u biex jitolbu għall-paċi fl-Ukrajna, is-Sudan, il-Palestina, Iżrael u l-kumplament tal-Lvant Nofsani.

L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, b’referenza għal-lejl tas-Sibt, qal li l-Papa kien qatta ‘lejl ta’ mistrieħ’  u li l-kundizzjoni tiegħu xorta għandha titqies bħala kritika fiċ-ċirkustanzi. Dan ukoll meta  ‘l-element ta’ periklu xorta jibqa’ wieħed għoli’ wara l-kriżi respiratorja fit-tul.

L-aħħar testijiet tad-demm li saru lill-Papa anki żvelaw kundizzjoni assoċjata mal-anemija u li tirrikjedi li hu jingħata t-trasfużjonijiet tad-demm. Madankollu, il-Vatikan sostna li l-Papa Franġisku għadu ‘allert u konxju dwar kulma qed iseħħ madwaru’ u meta hu anki qed qatta’ xi sigħat bilqiegħda fuq pultruna.

L-istqarrija tal-Vatikan kompliet li ‘sa dan il-mument, l-awtoritajiet mediċi fl-isptar qed jirriservaw il-prognożi dwar il-Papa.’

Kien proprju fl-14 ta’ Frar li l-Kap tal-Kattoliċi kien iddaħħal fl-Isptar ta’ Gemelli wara li sofra attakk ta’ bronkite u li malajr żviluppatlu fi pneumonia.