Lokali

“Il-poplu għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista fil-gvern” – Michael Piccinino

F’intervista li għamel mal-MaltaToday, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino iddiskuta d-deċiżjoni tiegħu li jmur għall-pass li jmiss sabiex ikun kandidat fl-elezzjoni ġenerali.

Hu insista illi Segretarju Ġenerali għandu jkun kompletament iffukat fuq l-aħjar interessi tal-Partit; u minkejja li l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jippermetti li Segretarju Ġenerali jikkontesta elezzjoni ġenerali, hu jemmen li min ikun f’din il-kariga ma jistax ikun totalment effettiv jekk qed jiffoka fuq il-kampanja tiegħu wkoll. U b’hekk ħass il-bżonn sabiex jirreżenja mill-kariga tiegħu.

Michael Piccinino semma’ kif ftit wara li hu ħabbar li se jirreżenja minn Segretarju Ġenerali, Karl Gouder kien kien esprima l-interess tiegħu biex jidħol f’din il-kariga. Iżda wara t-telfa tiegħu, il-PN ħass il-bżonn li jistenna qabel jibda l-proċess għal Segretarju ġdid bħala forma ta’ rispett, kif ukoll kellu jsir proċess ta’ tibdil intern fi ħdan l-istrutturi tal-Partit.

Michael Piccinino ġie mistoqsi wkoll dwar il-finanzi tal-PN. U hawn, semma’ l-ipokrezija tal-Partit Laburista, hekk kif kienu għamlu snin twal biex jippublika dawn il-finanzi. Filwaqt li fakkar li bħalissa, is-Super One, u l-media tal-Partit Laburista tinsab mifnija b’ħafna dejn.

Hu sostna li dan hu l-istess partit li bħalissa qed jagħmel dak kollu li jista’ sabiex jipproteġu lilhom infushom.

Michael Piccinino sostna li l-Partit Nazzjonalista qiegħed hemm biex iwassal proposti għad-diversi problemi li qed jaffaċjaw il-Maltin u Għawdxin kolha.

Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern huwa dak li għandu bżonn pajjiżna sabiex jimxi ‘l quddiem. U għal dawk li qed jaħsbu biex fl-elezzjoni li jmiss ma jivvutawx, Piccinino sostna li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel dak kollu li jista sabiex jisma l-problemi tan-nies, u jippreżenta soluzzjonijiet sostenibbli li verament se jgħinu lill-poplu.