Abela ma għandux għażla oħra ħlief li jaċċetta r-riżenja ta’ Byron Camilleri, il-Kap tal-Oppożizzjoni jitlob li għada ssir seduta parlamentari biex jingħataw spjegazzjonijiet dwar il-każ li kien żvelat dalgħodu.
Il-Prim Ministru għandu jaġixxi fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi. Wara dak li ġie żvelat dalgħodu, Robert Abela m’għandux għażla. Il-Prim Ministru messu ġa keċċa lill-Ministru Byron Camilleri, però issa li għandu riżenja quddiemu m’għandux għażla ħlief li jaċċettaha mill-iktar fis u jagħti spjegazzjoni ċara lill-poplu Malti u Għawdxi dwar dan il-każ xokkanti.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li dan tas-serqa tad-droga minn kontejner fi proprjetà tal-Forzi Armati ta’ Malta hija l-aħħar minn sensiela ta’ skandli li seħħew taħt it-tmexxija ta’ Byron Camilleri li hu fdat bi wħud mill-iktar setturi sensittivi u importanti tal-pajjiż.
Fost dawn hemm l-iskandlu tal-ħruġ tal-ID Cards foloz fejn eluf ta’ persuni barranin daħlu fil-pajjiż b’dokumentazzjoni falza u ma għandna l-ebda idea fejn qed jirrisjedu, il-każ taż-żewġ Marokkini maħruba minn fuq ajruplan li niżel b’urġenza, in-nuqqasijiet fil-Korp tal-Pulizija fosthom li t-tmexxija tal-Korp ma ħadet l-ebda passi fil-każ tal-Pilatus, l-iskandlu tal-Vitals u dawk tal-benefiċċji soċjali u l-liċenzji tas-sewqan biex jinxtraw il-voti, kif ukoll l-iskandlu dwar il-kundizzjonijiet fil-Ħabs taħt it-tmexxija ta’ Alex Dalli li – kif ikkonkluda l-Ombudsman – wasslu biex numru ta’ persuni għamlu suwiċidju fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Dan ifisser li minn erba’ korpi dixxiplinarji li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Byron Camilleri, dan huwa t-tielet wieħed li falla fih: it-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija, it-tmexxija tal-Ħabs u issa anke dik tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Byron Camilleri huwa kkwotat li qal li l-prinċipji għalih jiġu l-ewwel. Allura għal Byron Camilleri u għal Robert Abela li l-Ħabs jitmexxa b’mod dinjituż mhuwiex prinċipju? Allura għal Byron Camilleri u għal Robert Abela li l-ID Cards ta’ pajjiżna jinħarġu b’mod rigoruż mhuwiex prinċipju?
Dwar dan l-aħħar skandlu li fih insterqet droga sekwestrata mill-Qorti u li hija parti minn inkjesta li tinsab għaddejja, Robert Abela għandu minnufih jispjega l-fatti tal-każ bl-iktar mod dettaljat u rigoruż. Wara li issa sirna nafu li l-ammont ta’ droga misruq huwa ta’ 200 kilo, Abela għandu jispjegalna liema huma n-nuqqasijiet strutturali li wasslu għal din is-serqa. Abela għandu jgħid ukoll x’valur kellha din id-droga fis-suq. U ma’ liema każ hija relatata din id-droga sekwestrata. Fuq kollox għandu jgħidilna x’passi se jieħu issa li nafu li b’dak li ġara nsterqet waħda mill-prova ewlenin f’kawża kriminali.
Robert Abela għandu minnufih ikeċċi wkoll lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern li taħtha twettaq dan il-każ xokkanti.
Ma jistax ikun li ħadd ma jħallas ta’ għemilu fil-Gvern Laburista u ta’ dan huwa responsabbli Robert Abela.
Minkejja l-mistoqsijiet li qed jagħmel il-pubbliku dwar dak li ġara dalgħodu, huwa inkredibbli kif fl-attività politika li kellu llum il-Prim Ministru Robert Abela evita għalkollox li jitkellem dwar dawn il-fatti xokkanti li kienu żvelati fis-sigħat li għaddew.
F’dan il-mument delikat, il-PN jesprima solidarjetà mal-uffiċjali u s-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta li minħabba dan l-iskandlu qed tittappan il-ħidma siewja li jtwettqu fi ħdan l-Armata ta’ pajjiżna.
Kif talab il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, l-Oppożizzjoni qed titlob ukoll li għada, fl-ewwel okkażjoni, issir seduta parlamentari li matulha tingħata spjegazzjoni u li fiha l-Oppożizzjoni jkollha l-opportunità li tagħmel il-mistoqsijiet u tilob kjarifiki mingħand il-Prim Ministru dwar dan il-każ.
Dan intqal fi stqarrija minn Darren Carabott, ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi.
//= $special ?>