Il-Ħadd għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu, il-Pulizija kienet infurmata li kien ġie sgassat kontejner li kien jinsab f’proprjetà tal-Forzi Armati ta’ Malta, f’Ħal Safi.
Il-Pulizija rrikorriet fuq il-post, fejn irriżulta li kontejner bi droga li huwa proprjetà tal-Qorti bħala parti minn inkjesta li tinsab għaddejja u li kien qed jiġi miżmum mill-Forzi Armati ta’ Malta kellu s-siġġilli maqtugħin u kien ukoll jidher sgassat.
Minn stħarriġ li sar irriżulta li madwar 200kg reżina tal-kannabis kienet nieqsa mill-istess kontejner. Din id-droga kienet inqabdet, f’Ġunju 2024, iżda parti minnha kienet għadha ma nqerditx.
Dalgħodu stess il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri rriżenja minħabba dan il-każ.Il-Brigadier tal-Armata Clinton J O’Neill ukoll ġie sospiż b’talba ta’ Camilleri stess.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat inkwirenti Antoine Agius Bonnici, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Dan ġie kkonfermat mill-Pulizija u mhux mill-Ministru Camilleri stess, hekk kif s’issa għad hemm skiet totali minn Kastilja.
//= $special ?>