Lokali Qorti

Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li sawwat lil martu

Raġel ta’ 33 sena miż-Żejtun ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti b’akkużi ta’ vjolenza domestika.

Il-mara tiegħu kienet ċemplet lit-taqsima tal-vjolenza domestika biex tagħmel rapport fil-konfront tiegħu, wara li waqt argument fid-dar tagħhom hu sar vjolenti magħha. Meta l-vittma marret il-klinika rriżulta li sofriet ġrieħi ħfief, u mir-risk assesment li sarilha rriżulta wkoll li tinsab f’riskju sever.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi u d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Din it-talba ma ġietx oġġezzjonata għax minkejja li għad trid tixhed il-vittma, l-akkuzat għandu indirizz alternattiv fejn jgħix u kondotta nadifa.

Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq għadd ta’ kundizzjonijiet, fosthom li ma javviċinax lill-mara, li jiffirma fl-għassa tal-Pulizija darba fil-ġimgħa, li jiddepożita s-somma ta’ €500, kif ukoll garanzija personali ta’ €10,000. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għal 4 snin.