Fil-Faċilità Korrettiva bħalissa għaddej kunflitt intern dwar min se jmexxi l-istituzzjoni fil-futur.
Iċ-CEO preżenti qed jiffaċċja sfida serja mis-COO, li qed jimmira li jieħu postu. Din il-ġlieda għall-poter tista’ twassal għal konsegwenzi serji fuq l-Amministrazzjoni tal-ħabs.
Sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument fissrilna li s-COO, li qabel kien fil-Forzi Armati iżda ma ngħatax il-kariga ta’ Brigadier, li anke protesti għamel, issa qed jipprova jakkwista l-pożizzjoni ta’ CEO fil-Faċilità Korrettiva.
Qed jingħad li jekk ma jirnexxilux jikseb din il-kariga sa Awwissu, jaf jagħmel passi drastiċi biex juri d-diżappunt tiegħu. Il-fatt li dan ġej mid-distrett u għandu rabtiet politiċi mal-Ministru Ian Borg jista’ jagħtih saħħa addizzjonali fil-logħba tal-poter.
F’diversi ċirkostanzi, is-COO jidher li għandu influwenza qawwija fil-Faċilità Korrettiva, tant li ħafna affarijiet isiru skont ir-rieda tiegħu.
Hemm min isostni li anke x-xufier personali tiegħu jingħata privileġġi speċjali, inkluż il-libertà li jċaqlaq ruħu kif irid fil-Ħabs u anke f’ċerti d-diviżjonijiet anke jekk bi protesti mil-fizzjala.
Kaos sħiħ fix-xiftijiet
Minbarra l-kunflitt mal-CEO, sorsi interni jallegaw li s-COO qed jinjora wkoll il-pariri tal-konsulenti ewlenin tal-Ħabs. Dan wassal biex biddel shiftijiet u introduċa tibdil li ħoloq kaos fil-ġestjoni tar-riżorsi umani.
Dan kollu, allegatament, sar mingħajr ma fehem is-sistema fil-fond, u dan jista’ jwassal għal aktar instabbiltà u inkwiet fost l-uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva.
Uffiċjali Korrettivi qed jesprimu frustrazzjoni kbira dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, li sejrin għall-agħar minkejja t-talbiet kontinwi biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Sfortunatament, minflok jinstabu soluzzjonijiet konkreti, l-Uffiċjali qed jaffaċċjaw deċiżjonijiet li qed iżidu l-pressjoni fuqhom.
//= $special ?>