Il-PN ikompli jingħata raġun li għandna Gvern li ma jistax jiffoka fuq il-pajjiż.
Robert Abela m’għandux triq oħra ħlief li jaċċetta r-riżenja ta’ Byron Camilleri.
Wara li minn taħt imnieħer il-Ministru stess nsterqu 200 kilogramma droga li nqabdu fil-Freeport, il-Prim Ministru ma jistax iħalli lil Byron Camilleri fit-tmexxija tal-Intern tal-pajjiż.
Waqt intervista li saritlu dalgħodu minn Kurt Sansose minn MaltaToday, Ana Tortell minn LovinMalta u Liam Carter minn TVM News, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li Byron Camilleri hu responsabbli għal ħafna skandli f’pajjiżna.
Camilleri hu responsabbli li d-data tagħna tkun sigura fl-aġenzija Identità, imma taħtu seħħ l-iskandlu tal-ID Cards.
Hu responsabbli mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, imma taħt Alex Dalli numru rekord ta’ ħabsin neħħew ħajjithom. Camilleri ddefendieh u l-Gvern tiegħu tah cushy job.
Issa Camilleri reġa’ għandu fuq spalltu serqa ta’ droga li suppost inqerdet u li seħħet taħt imnieħru.
Issa jekk Robert Abela verament ipoġġi s-sigurtà tal-Maltin qabel il-Ministri tiegħu, m’għandux triq oħra ħlief li jneħħi lil Camilleri.
Dan it-taħwid kollu jikkonferma kif Robert Abela tant hu medhi jipprova jħares lil ta’ madwaru li ma jistax jikkonċentra fuq kif se jsib is-soluzzjonijiet għall-pajjiż.
Fl-intervista Bernard Grech wieġeb għadd ta’ mistoqsijiet fuq temi differenti fosthom dwar is-surveys u l-futur tal-PN.
Il-Kap tal-PN qal li s-surveys tal-lum huma differenti ħafna minn dawk ta’ tmien xhur ilu li kienu juru distakk ta’ 30,000 u llum qed juru distakk ferm inqas. Dan, qal Grech, ma jfissirx li l-PN mhux l-underdog anke meta wieħed iqis ir-riżorsi li qed juża l-Gvern biex jirbaħ il-voti.
Għal mistoqsija dwar ir-riforma fl-inkjesti maġisterjali, Bernard Grech qal li dawk il-partijiet li jagħtu aktar drittijiet lill-vittmi jew il-qraba tal-vittmi l-Partit Nazzjonalista mhux se jmisshom iżda qal li Gvern ma jista’ qatt juża l-pożizzjoni tiegħu biex jagħlaq ħalq iċ-ċittadini, u dan id-dritt Gvern Nazzjonalista jerġa’ jagħtih lura lill-poplu.
Mistoqsi dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-PN u l-bolol, Bernard Grech qal li mhux se jaħrab jew jgħid li dak li hu ħażin huwa tajjeb. Huwa qal li fejn hemm problemi jirrikonoxxihom waqt li ħaddieħor, li għandu problemi ferm akbar, qed ideffes rasu fir-ramel u minflok qed jattakka lill-PN biex jipprova jsoddlu ħalqu jew iġibu jaqbel mal-Gvern dwar ir-riforma fl-inkjesti. Abela mhux se jirnexxilu, qal Grech.
Dwar l-abort, filwaqt li fakkar li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien ċar dwar il-pożizzjoni tiegħu favur il-ħajja, qed jifhem li dejjem aktar nisa qed ifittxu li jagħmlu abort.
Grech qal li filwaqt li l-PN impenjat li jara li jkun hemm kull għajnuna possibbli għal nisa li jsibu ruħhom f’diffikultà, żgur mhux se jilgħab bil-liġi tal-abort biex jipprova jirbaħ il-voti, bħalma għamel Robert Abela.
Mistoqsi dwar x’jagħmel il-PN dwar id-dewmien fil-Qrati, Bernard Grech qal li fil-Qrati hemm nuqqas ta’ impjegati u esperti u minħabba l-volum dejjem jikber ta’ każijiet, anke b’riżultat dirett taż-żieda fil-popolazzjoni, dan qed twassal għal dewmien eżaġerat.
Gvern Nazzjonalista jara li, fost l-oħrajn, ikun hemm riżorsi umani biżżejjed biex dan id-dewmien jonqos.
Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ma’ kuntratturi, Bernard Grech qal li l-PN hu spalla ma’ spalla ma’ min irid jinvesti bis-serjetà fil-pajjiż, għax min jinvesti joħloq ukoll xogħol u titjib fl-ekonomija. Madankollu żgur mhux se jkun spalla ma’ spalla ma’ min irid jisraq l-artijiet tal-poplu jew il-flus tal-ħaddiem.
Gvern ġdid Nazzjonalista joħloq level playing field u jara li l-iżvilupp ma jkunx b’detriment tal-ġid tal-Maltin.
Bernard Grech kien mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Robert Abela fejn qal li minkejja l-isforzi tiegħu, sa mill-ewwel laqgħa, il-Prim Ministru wera ruħu arroganti u konfrontattiv.
Agħar minn hekk, Abela bagħat drone fuq id-dar tal-Kap tal-Oppożizzjoni f’attakk dirett fuq il-familja ta’ Bernard Grech u anke bagħat chats biex jistaqsi dwar it-taxxa tiegħu filwaqt li meta staqsewh fuq id-dar tiegħu fuq ODZ fiż-Żejtun ma weġibx.
Il-politika ma ssirx hekk, qal il-Kap tal-PN.
Fl-għeluq tal-intervista Bernard Grech qal li l-politiċi għandhom obbligu lejn is-soċjetà li jwieġbu l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, anke meta dawn ikunu diffiċli jew skomdi.
Huwa qal li l-poplu għandu għażla bejn Gvern li joħloq il-problemi fis-saħħa, fit-traffiku, fl-għoli tal-ħajja – u Gvern ġdid Nazzjonalista, li lill-Gvern qed jagħtih is-soluzzjonijet fuq platt.
Il-Partit Nazzjonalista iffukat fuq is-soluzzjonijiet għalik. Imma Robert Abela moħħu xi mkien ieħor u mhux fuq kif se jtejjeb il-ħajjiet tal-Maltin.