Lokali Qorti

Robert Musumeci jaqbel mal-Prim Imħallef Emeritu dwar ir-riforma tal-inkjesti maġisterjali

L-avukat u perit Robert Musumeci ngħaqad ma’ diversi persuni esperti fil-liġi u qal fuq l-istazzjon RTK103 li jaqbel ma’ dak li kiteb il-Prim Imħallef Emeritu Silvio Camilleri li l-inkjesta maġisterjali hija intiża għall-preservazzjoni tal-provi.

Meta kien qed jieħu sehem fil-programm Andrew Azzopardi on RTK 103 li kien qed jiddibatti s-suġġett dwar ir-riforma tal-inkjesta maġisterjali li qed jimbotta l-Gvern fil-Parlament, Musumeci qal li “naqbel ma’ Silvio Camilleri”.

Robert Musumeci qal li “l-inkjesta maġisterjali qatt ma kienet intiża biex tiġi stabbilita dwar jekk ikunx sar reat, iżda l-inkjesta inġenerali qiegħda hemm għall-ġbir tal-provi wara li jkun sar ir-rapport,” liema rapport irid ikun dwar l-eżistenza tar-reat kriminali illi huwa prosekwibbli ex officio.

Camilleri kien iddeskriva r-riforma proposta fl-inkjesti maġisterjali bħala waħda li hija intiża biex jiġu protetti l-politiċi u akkużi lill-GVern li “ħakem il-forzi tal-ordni, l-Forzi Armati u l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.  

Ħa sehem ukoll fid-diskussjoni l-ġurnalist u l-attivist Manuel Delia, semma kif kien hemm drabi li l-Pulizija rrifjutat milli tinvestiga. Huwa ġab eżempju minn dak li seħħ fl-aħħar ġimgħat meta bdiet il-prosekuzzjoni fl-iskandlu tas-17 Black u l-Panama Papers.

Huwa sostna li dik it-talba li kienet saret mill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil saret sena u erba’ xhur wara li ħarġu fl-aħbarijiet il-provi tal-korruzzjoni fil-każ imsemmi, f’liema perjodu, Delia qal li l-Pulizija rrifjutat milli tieħu azzjoni. Qal li sena wara li Busuttil għamel it-talba, il-Pulizija talbet inkjesta.

Semma wkoll li dan ma jgħoddx biss fil-każ tal-korruzzjoni iżda wkoll f’setturi oħra bħall-ħabs li fl-aħħar rapport tal-NAO ħareġ li fis-suppost faċilità saru ħruxijiet minn uffiċjali pubbliċi, filwaqt li l-Ombudsman jemmen li twettqu allegati reati kriminali, u li f’erba’ snin din l-informazzjoni sabet ruħha fid-dominju pubbliku, il-Pulizija ma għamlet l-ebda mossa.

Delia qal li “r-rekwiżit tar-riforma hija li l-persuna li qed tiftaħ l-inkjesta titlob li jiġbor il-provi hu li l-istess inkjesta se tkun qed tiġbor.” Semma kif iċ-ċittadin komuni ma għandux il-mezzi li għandha l-Qorti biex tagħmel dan, u li dan huwa mod biex ma jkunx possibli li jsiru talbiet personali għal inkjesti maġisterjali.

Fuq l-argument li jista’ jkun hemm persuni li jabbużaw mis-sistema, l-attivist qal li f’dawn l-aħħar 10 snin, intalbu 8,000 inkjesta maġisterjali, li minnhom kien hemm biss 25 li saru fuq talba personali. 11 minnhom biss intalbu minn dawn, li skont Delia, il-Prim Ministru jsejħilhom bħala “estremisti”.

Huwa saħaq ukoll li “qed jagħlqulna l-bieb minn fejn inkunu nistgħu ndaħħlu l-Maġistrati biex ikunu jistgħu jiġbru l-provi tar-reat u ssir il-prosekuzzjoni”. Fost il-kelliema ħa sehem ukoll l-opinjonista Sergio Mallia, li qal li semma’ każi li minkejja li waslu għand il-Pulizija, waqgħu fuq widnejn torox.

“Kif tridu jkolli fiduċja fis-sistema jekk is-sistema mhix taqdini?” sostna Mallia, filwaqt li allega li sabiex il-Gvern “ineħħi” l-abbuż, “qed jabbuża iktar biex min għandu vera, ma jmurx lanqas.” Huma bosta dawk li mhumiex jaqblu mal-mod kif il-Gver irid jibdel il-liġi dwar l-inkjesti Maġiterjali, fosthom il-kamra tal-avukati.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija kien qal li l-Ministru Jonathan Attard ikkonferma li jrid joqtol l-inkjesti maġisterjali li ilhom għaddejjin aktar minn sentejn billi jwaqqafhom wara sitt xhur li tkun għaddiet l-liġi li ppreżenta huwa stess.

Dan ifisser li l-inkjesti maġisterjali bħal dawk dwar il-qtil ta’ Raymond Caruana, Karin Grech u Daphne Caruana Galizia kif ukoll numru kbir ta’ inkjesti dwar frodi, korruzzjoni, serq u omiċidji u li ilhom pendenti għal aktar minn sentejn se jingħalqu ħabta u sabta fi żmien sitt xhur minn meta l-Parlament ikun approva l-liġi li Robert Abela u Jonathan Attard jridu jgħaddu b’għaġla kbira.

Il-liġi kif proposta minn Robert Abela u Jonathan Attard hija oxxenità li biha l-Gvern jrid joqtol l-inkjesti maġisterjali darba għal dejjem u jċaħħad liċ-ċittadin privat milli jitlob il-ftuħ ta’ inkjesti maġisterjali, qal il-PN.