Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri offra r-riżenja tiegħu wara li illum kien infurmat li seħħew serqa ta’ droga minn kontejner li kien qed jinżamm fi proprjetà tal-armata – iżda Robert Abela ma jaċċettax din ir-riżenja.
Aktar kmieni llum kien l-Ministru Byron Camilleri li offra r-riżenja tiegħu b’messaġġ fuq il-media soċjali, fejn spjega kif matul il-lejl dan il-kontejner kien sgassat u kien hemm serq minnu.
Minnufih ġie sospiż il-Brigadier tal-Armata Clinton J O’Neill.
Fl-istess ħin il-Ministru Camilleri ikkomunika mal-Prim Ministru u offrielu r-riżenja tiegħu, li Robert Abela spiċċa ma aċċettax.
F’kumment ma’ TVM, Robert Abela ikkonferma li se jaħtar inkjesta amministrattiva sabiex jistabilixxu l-fatti kollha, u biex joħroġ jekk kienx hemm xi nuqqasijiet amministrattivi. Is-sospensjoni tal-Brigadier se tibqa’ fis-seħħ sakemm jiġu stabbiliti l-fatti.
Dak li kiteb il-Ministru fuq il-media soċjali
Ftit tal-ġimghat ilu kont infurmat mis-Segretarju Permanenti li kien hemm talba mill-Aġenzija tal-Qorti biex minħabba tilwima industrijali u l-possibbiltà ta’ direttivi marbuta magħha fil-Port Ħieles, droga li nqabdet fil-Freeport tinżamm f’xi post tal-Ministeru għall-Intern. Jidher li din il-kwistjoni qamet għax id-droga li nqabdet, f’Ġunju 2024, parti minnha kienet għadha ma nqerditx.
Is-Segretarju Permanenti nfurmatni li dwar dan kienet se titkellem mal-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta u minn hemm ‘il quddiem jien ma ġejtx infurmat (updated) iktar dwar l-eżitu tad-diskussjoni u l-konklużjoni li seta’ kien hemm.
Sakemm dalgħodu kont infurmat mill-Kummissarju tal-Pulizija li minn container bi droga li kien qed jinżamm fi proprjetà tal-armata saret serqa.
Minnufih tlabt spjegazzjoni lill-Brigadier. Qalli li din id-droga kienet f’container f’żona fejn kien hemm cameras u rondi kull tant ħin. Minkejja dan matul din il-lejl dan il-container kien sgassat u kien hemm serq minnu.
Infurmat li dawk li kienu għassa ma rrappurtawx li kien qed ikun hemm xi movimenti suspettużi imma l-iskoperta tas-serqa saret waqt spezzjoni li kienet qed issir kultant ħin.
Imbagħad kienu nfurmati l-Pulizija li min-naħa tagħhom bdew jinvestigaw l-akkadut taħt direzzjoni tal-Maġistrat Inkwirenti.
Filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin, tlabt lis-Segretarju Permanenti biex il-Brigadier tal-Armata jkun sospiż. Dan sakemm ikunu stabbiliti ċari ċerti fatti, partikolarment jekk wara li ntlaqgħet din it-talba ttieħdux il-passi u l-prekawzjonijiet kollha kif suppost u skont is-sengħa.
Fl-istess ħin ikkomunikajt mal-Prim Ministru u offrejtlu r-riżenja tiegħi. Napprezza l-fiduċja kontinwa li kien hemm fija matul is-snin, anke b’Ministeru li kontinwament kiber fir-responsabbiltajiet. Anke jekk ma kelli l-ebda rwol fid-deċiżjoni u iktar u iktar l-implimentazzjoni tagħha, nemmen li l-irġulija hekk titlob. Qed nagħmel dan għax inħoss li dan hu każ serju, iżda qed nagħmel dan b’serenità kbira għax għalija l-ħajja pubblika dejjem kienet biss servizz lejn il-pubbliku.