Lokali

Abela ma jridx jibqa’ jitlef lil dawk viċin tiegħu, messu ilu li keċċa lil Byron Camilleri – PN

L-iskandlu tal-ID Cards foloz u l-indirizzi misruqa għall-voti. L-iskandlu tal-Marokkini li ħarbu minn fuq ajruplan. In-nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija fuq il-każ tal-Pilatus u s-serqa tal-Vitals. U fuq l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali u l-liċenzji tas-sewqan biex jinxtraw il-voti. L-iskandlu taċ-ċitazzjonjiet tal-LESA. L-iskandlu tat-torturi u l-imwiet fil-ħabs. Korp tal-Pulizija bla riżorsi. Rapport ta’ kundanna mill-Ombudsman. U issa serqa ta’ 200kg droga minn taħt imnieħru. U Byron Camilleri jibqa’ untouchable.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru għall-Intern fil-Belt Valletta, ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott u x-Shadow Minister għall-Volontarjat u l-Inklużjoni Graziella Galea fakkru kif din hija t-tieni darba fi żmien 20 ġurnata li l-Partit Nazzjonalista qed jitlob ir-riżenja tal-Ministru għall-Intern.

Għoxrin jum ilu l-Partit Nazzjonalista ressaq Mozzjoni fil-Parlament dwar ir-rapport tal-Ombudsman li sab li l-aġir ta’ Alex Dalli fil-Ħabs ta’ Kordin kien wieħed moqżież, kattiv u umiljanti għall-priġunieri, tant li seta’ wassal għal uħud biex jikkommettu suwiċidju.

Lil Alex Dalli, Byron Camilleri kien u baqa’ jiddefendih anke wara dan ir-rapport iebes. Għal Byron Camilleri baqa’ kollox business as usual.

Issa minn taħt imnieħru nsterqu 200kg droga li kienet taħt il-kustodja tal-Forzi Armati.

Biex joħroġ minn skandlu ieħor, Byron Camilleri jidher li ftiehem mal-Prim Ministru li jagħti r-riżenzja tiegħu bil-patt li din ma tiġix aċċettata. U għal din il-froġa ġdida jħallsu biss dawk ta’ taħtu. Abela ma jridx jibqa’ jitlef lil dawk viċin tiegħu, u għalhekk ma aċċettax ir-riżenja ta’ Camilleri, meta messu ilu li keċċieh.

Illum f’pajjiżna nafu li qed jiċċirkolaw fit-triq 200kg oħra ta’ droga. Droga li reġgħet spiċċat fit-toroq Maltin u Għawdxin u f’idejn id-dealers tad-droga, li se tkompli tħalli effett negattiv fuq il-vittmi u l-familji tagħhom.

Il-problema tad-droga u dawk marbutin magħha qegħdin dejjem jikbru f’pajjiżna.

L-aħħar studji juru li kulma jmur qed tkompli tikber il-problema tal-użu tal-kokaina u l-kannabis f’Malta.

L-istudji qed juru wkoll li dawk li qed jispiċċaw ifittxu għajnuna għall-vizzju tal-użu tal-kannabis żdied konsiderevolment wara l-liġi ġdida li daħħal il-Gvern.

Huwa inaċċettabbli li minflok jiġġieled il-problema tad-droga, il-Ministru sar parti mill-problema.

Pajjiżna għandu bżonn Ministru għall-Intern li jiġġieled iċ-ċirkolazzjoni tad-droga f’pajjiżna u mhux li jibqa’ ċass meta din tinsteraq minn taħt imnieħru.

Ir-responsabbiltà politika ta’ dan kollu taqa’ biss fuq Byron Camilleri li huwa responsabbli mill-Armata imma taħtu nsterqu 200kg droga li kienu taħt għajnejn il-Forzi Armati. L-uniku persuna oħra li tista’ ġġorr ir-responsabbiltà ta’ dan kollu, jekk mhux Camilleri, huwa Robert Abela.

Imma meta Abela ma aċċettax ir-riżenja ta’ Byron Camilleri, bagħat messaġġ li l-ebda Ministru tiegħu mhu obbligat jerfa’ r-responsabbiltà politika li titfa’ fuqu l-Kostituzzjoni. Li l-ebda Ministru tiegħu mhu fil-fatt responsabbli għal xejn f’dan il-pajjiż, u li jiġri x’jiġri r-responsabbiltà se taqa’ dejjem fuq dawk ta’ taħthom li jkollhom iħallsu waħidhom il-konsegwenzi ta’ dak li jista’ jiġri. Dan il-pajjiż spiċċa mmexxi minn Gvern ta’ free for all.

Taħt it-tmexxija ta’ Abela, il-Ministri spiċċaw biss figurini li jaqtgħu ż-żigarelli u jitbissmu għall-cameras. U jekk int tisfa vittma ta’ xi ħaġa li tagħha hu responsabbli xi Ministru, Robert Abela u sħabu qed jgħaddu liġi biex int tibqa’ bla ġustizzja u l-Ministru jibqa’ untouchable.

Dan il-Prim Ministru mhux biss irid jeħodlok id-dritt li tiftaħ inkjesta maġisterjali, imma issa qed jeħodlok ukoll id-dritt li żżomm lill-Ministri responsabbli għal dak li jsir minn ta’ taħthom.

Dan mhux Gvern li jaħdem għalik, imma Gvern li jaħdmek.

Il-Partit Nazzjonalista, f’isem il-poplu kollu llum se jkun qed jitlob li dak li seħħ fl-aħħar sigħat jiġi diskuss b’urġenza fil-Parlament. Għall-PN, is-sigurtà tal-Maltin hija prijorità. Wieħed jittama li fuq din, il-Gvern ta’ Robert Abela jaqbel mal-Partit Nazzjonalista.