Kummerċ Lokali

Hili Ventures tniedi offerta għall-kapital azzjonarju kollu ta’ Hili Properties p.l.c.


Hili Ventures Limited ħabbret it-tnedija ta’ offerta pubblika volontarja u kondizzjonali għall-kapital
azzjonarju kollu ta’ Hili Properties p.l.c. Permezz ta’ din l-offerta, Hili Ventures qed toffri li tixtri l-bqija
tal-ishma li bħalissa huma miżmuma mill-pubbliku u kwotati fuq il-Borża ta’ Malta.

Wara l-bejgħ ta’ parti min-negozju permezz ta’ offerta pubblika inizjali fl-2021, Hili Ventures fil-preżent
tikkontrolla ftit aktar minn 74.83% tal-kapital azzjonarju tal-kumpanija sussidjarja tal-proprjetà Hili
Properties, li hija s-sid u tmexxi proprjetà kummerċjali strateġika għal-leasing f’bosta pajjiżi Ewropej.

Hili Ventures qed toffri €0.24 kull sehem lill-azzjonisti kollha li jimlew il-Formola ta’ Aċċettazzjoni sal-25 ta’ Marzu 2025. Id-Dokument ta’ Offerta, li huwa disponibbli fuq www.hiliventures.com, jistipula l-kundizzjonijiet tal-offerta u dettalji oħra għall-partijiet interessati.

Bi proprjetajiet fl-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta u r-Rumanija, il-portafoll ta’ Hili Properties
jinkludi blokok kummerċjali u spazju tal-uffiċju, ċentri kummerċjali li jinkludu ħwienet kbar tal-merċa,
faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u proprjetà li tilqa’ r-ristoranti ta’ McDonald’s f’distretti kummerċjali
ewlenin.

Dan l-investiment huwa konformi mal-istrateġija usa’ tal-grupp li jikkonsolida l-kontroll tiegħu fuq il-firxa tal-portafoll differenti tiegħu, biex isaħħaħ il-ħila tiegħu li jwassal għal tkabbir u ħolqien ta’ valur
fuq medda twila ta’ żmien. Bil-kontroll totali jew kważi totali tal-kumpanija sussidjarji l-oħra f’setturi
li jinkludu servizzi tal-ikel, l-ospitalità, it-tbaħħir u l-loġistika, l-inġinerija u t-teknoloġija f’10 pajjiżi, Hili
Ventures se tkompli ssaħħaħ l-effiċjenza u tarmonizza l-operat tagħha. Billi tikseb kontroll sħiħ tas-sussidjarja tagħha fil-qasam tal-proprjetà, Hili Ventures għandha l-għan li tottimizza l-istrateġija ta’
ġestjoni tal-assi tagħha u tiżviluppa l-preżenza tagħha fi swieq ewlenin.

L-offerta se tiftaħ fis-26 ta’ Frar, 2025, (fit-08.30), u partijiet interessati jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom ma’ Intermedjarju Awtorizzat minn dik id-data.