Il-Bank of Valletta qed jikkonsolida sħubija strateġika ma’ Microsoft permezz ta’ serje ta’ attivitajiet kummerċjali bħala parti mill-vjaġġ ta’ trasformazzjoni diġitali tiegħu. Dan se jsarraf fl-introduzzjoni ta’ Ċentru ta’ Eċċellenza Cloud ġdid, iddedikat biex iħaffef l-adozzjoni tal-Cloud u jrawwem kultura ta’ innovazzjoni teknoloġika. Il-Bank se jimplimenta wkoll inizjattivi ta’ sostenibbiltà mmexxija mill-Intelliġenza Artifiċjali (IA) biex itejjeb il-konsum tal-enerġija u l-effiċjenza operattiva, f’konformità mal-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-Bank.
Iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza ġdid huwa parti mill-vjaġġ ta’ trasformazzjoni diġitali tal-Bank. Permezz tal-isħubija strateġika tiegħu ma’ Microsoft, il-BOV se jkompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu għall-innovazzjoni u l-enfasi tiegħu fuq il-forniment ta’ servizzi finanzjarji siguri, effiċjenti u immirati lejn il-futur. Il-firma ta’ Memorandum ta’ Ftehim mal-Microsoft, li ġie formalizzat fiċ-Ċentru tal-BOV f’Santa Venera, tirrappreżenta pass kruċjali fl-impenn tal-Bank lejn eċċellenza diġitali, il-modernizzazzjoni tal-operat tiegħu, it-titjib taċ-ċibersigurtà u esperjenza aqwa għall-klijenti tiegħu.
Kenneth Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank, enfasizza l-importanza ta’ din il-kollaborazzjoni, “Is-sħubija mal-Microsoft tippermettilna, bħala istituzzjoni finanzjarja ewlenija, li nisfruttaw il-qawwa ta’ teknoloġiji trasformazzjonali biex naqdu aħjar lill-klijenti tagħna. Permezz tal-użu tat-teknoloġiji u l-kompetenzi avvanzati tal-Microsoft fl-oqsma tal-cloud computing, l-intelliġenza artifiċjali (IA) u soluzzjonijiet ta’ sigurtà avvanzati, il-Bank se jaċċellera l-istrateġija diġitali tiegħu u jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala mexxej fix-xenarju finanzjarju li qed jevolvi. Din l-inizjattiva tifforma parti mill-istrateġija tagħna biex is-servizzi finanzjarji jsiru aktar intelliġenti, aktar siguri u aktar aċċessibbli għall-klijenti, filwaqt li tittejjeb ir-rata ta’ innovazzjoni f’industrija li qed tinbidel b’mod mgħaġġel.”
Björn Ekstedt, Chief Information Officer tal-Bank, enfasizza r-rwol tat-teknoloġija fit-tfassil tal-ġejjieni tas-servizzi finanzjarji. “Din il-kollaborazzjoni tippermettilna nintegraw soluzzjonijiet innovattivi li se jtejbu l-kapaċitajiet diġitali tagħna. Permezz ta’ din is-sħubija, il-Bank se jimmodernizza l-infrastruttura tiegħu billi jibbenefika minn Microsoft Azure, filwaqt li jippermetti aktar aġilità, skalabbiltà u effiċjenza operazzjonali. L-integrazzjoni tal-IA f’diversi aspetti tan-negozju se ttejjeb it-teħid tad-deċiżjonijiet u tgħin fl-awtomazzjoni ta’ funzjonijiet amministrattivi ewlenin, filwaqt li għodod avvanzati taċ-ċibersigurtà se jsaħħu d-difiżi tal-Bank kontra theddid emerġenti globali. L-għan aħħari tagħna huwa li nibnu Bank diġitalment avvanzat u li jagħti prijorità lis-sigurtà, l-innovazzjoni u l-esperjenza eċċellenti tal-klijent.”
Microsoft kienet irrappreżentata mis-Sinjura Yanna Andronopoulou, Maniġer Ġenerali ta’ Microsoft għall-Greċja, Ċipru u Malta, u s-Sur Antonis Oikonomou, Direttur Kummerċjali ta’ Enterprise. It-tnejn esprimew l-entużjażmu tagħhom għas-sħubija, u affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jappoġġjaw it-trasformazzjoni tal-BOV. Is-Sinjura Andronopoulou qalet, “Aħna kburin li qed nikkooperaw mal-Bank of Valletta, biex nixprunaw l-innovazzjoni u r-reżiljenza fis-settur tas-servizzi finanzjarji Malti. Bit-teknoloġija u l-għarfien tagħna, se nkunu qed nappoġġjaw lill-BOV biex jipprovdi servizzi finanzjarji ffukati fuq il-bżonnijiet futuri, u li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-klijenti li qed jgħixu f’dinja dejjem aktar diġitali.”

Mix-xellug: Bjorn Ekstedt, Ivo Camilleri, Kenneth Farrugia, Yanna Andronopoulou, Theodoros Papadopoulos, AntonisOikonomou, Kyle Anastasi and Robert Debono
//= $special ?>