Internazzjonali

Il-Ġermanja: ‘Il-Gvern ġdid tas-CDU għandu jaħseb biex l-Ewropa tkun tassew indipendenti mill-Istati Uniti’

Il-Kap tal-Partit CDU, Friedrich Merz, frisk mis-suċċess fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-Ħadd fil-Ġermanja, qal li l-Gvern ġdid immexxi minnu se jimpenja ruħu biex jindirizza l-aktar issues importanti għall-pajjiż. Hu kien qed jaċċenna b’mod partikulari għar-relazzjonijiet internazzjonali sinonimi ma’ din l-era ta’ inċertezza kbira.

L-Alleanza tas-CDU u s-CSU (tal-Bavarja)  rebħet l-elezzjoni nazzjonali bi kważi 29 fil-mija tal-vot u Merz, fl-ewwel kummenti wara r-rebħa, ikkuntesta l-futur tan-NATO fid-dawl taċ-ċirkustanzi fost l-istqarrija li ‘l-Istati Uniti tal-lum hi, fil-parti kbira, indifferenti għad-destin tal-Ewropa’.

Friedrich Merz, wara li rebaħ id-dritt li jkun il-Kanċillier ġdid tal-Ġermanja, beħsiebu jibda jaħdem minnufih biex ifassal koalizzjoni. Dan waqt li s-sorsi fi ħdan is-CDU qed jitkellmu dwar in-neċessità li l-partit jifforma malajr kemm jista’ jkun koalizzjoni mas-Socjali Demokratiċi (SPD) tal-Eks Kanċillier Olaf Scholz – partit li kiseb l-agħar riżultat fl-istorja moderna b’16.4 fil-mija biss tal-vot nazzjonali.

Intant, l-uffiċjali tal-SPD qalu li l-partit għadu ma ddeċidiex jekk isirx parti mill-koalizzjoni ġdida f’Berlin. Kien hemm anki wħud li qalu li deċiżjonijiet bħal dawn jirrikjedu l-ġimgħat u anki x-xhur, fost il-kumment li ‘jrid ikun proprju (Friedrich) Merz li jibda d-diskussjonijiet prelimninarji mal-SPD.’

Fl-istess ħin, it-ton tal-aħħar diskorsi ta’ Friedrich Merz indika kemm il-Ġermanja – alleata tradizzjonali tal-Istati Uniti għal għexieren ta’ snin – kapaċi titbiegħed mill-Gvern ta’ Washington li, taħt it-tmexxija tal-President Donald Trump, qed jidher aktar dispost biex jikkonsolida alleanza mar-Russja aktar milli mal-Ewropa.

U Merz qal li beħsiebu jagħmel il-parti tiegħu biex isaħħaħ lill-Ewropa bil-għan li l-kontinent ikun f’pożizzjoni fejn jikseb ‘il-vera indipendenza’ mill-Istati Uniti. Dan meta l-Ewropa dejjem iddependiet ħafna fuq Washington għall-ħteġiet tad-difiża, anki fis-snin ta’ wara l-Gwerra Bierda. Intant, Merz qed jinsisti wkoll biex l-Ewropa tirriforma ruħha b’mod li ssir dejjem aktar indipendenti mill-Istati Uniti.

Sadanittant, il-Partit AfD, magħmul mill-estremisti tal-lemin, kiseb riżultat pożittiv rekord fl-elezzjoni, tant li llum hu konfermat bħala t-tieni l-akbar partit fil-Ġermanja. Partit li jħaddan politika ċara u aggressiva kontra l-immigrazzjoni u li jemmen ukoll fis-sistemi ta’ deportazzjoni għall-immigranti li sabu residenza f’pajjiżu.

Iżda minkejja li l-AfD (Alternativ fur Deutschland)  kiseb 20.8 fil-mija tal-vot popolari, Friedrich Merz, mill-ġdid, ċaħad ċar u tond li jista’ jaħdem miegħu inkella li kapaċi jikkunsidra lill-estremisti tal-lemin bħala msieħba f’koalizzjoni ġdida. Merz, fil-fatt, tenna fl-aħħar sigħat, li ż-żieda fil-popolarità tal-AfD għandha sservi bħala twissija lill-partiti l-oħrajn kollha fil-Ġermanja.

Fl-istess ħin, il-biljunarju Elon Musk – it-tieni l-aktar bniedem influwenti fil-Gvern Amerikan wara Donald Trump – għadu jipprova jwettaq il-pressjoni fuq it-tmexxija ġdida fil-Ġermanja biex din jinkludi fiha lill-AfD. Dan waqt li Musk, fl-aħħar sigħat, ikkuntattja lill-kapijiet tal-AfD biex jifirħilhom għar-riżultat storiku li kiseb il-partit.

Mill-banda l-oħra, Friedrich Merz hu partikularment kuntent għall-fatt li l-partit tiegħu żied l-appoġġ popolari b’4.4 fil-mija waqt li kiseb tliet miljun aktar voti milli kien kiseb fl-elezzjoni tal-2021.

Il-Gvern ġdid ta’ Merz, issa, irid anki jikkonfronta s-sitwazzjoni ekonomika tal-Ġermanja li naqset fl-aħħar sentejn b’kaġun tal-pandemija tal-Covid u l-gwerra fl-Ukrajna.