Lokali Qorti

IL-ĠURI TAN-NEMES: Wieħed mill-akkużati qal li kien mhedded ftit qabel id-daqqiet fatali ta’ sikkina – Keith Arnaud

Wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Brandon Pace kważi tmien snin ilu, qal lill-pulizija li kien mhedded minn Pace xhur qabel l-inċident, u anke dakinhar tal-ġlieda stess. Dak il-jum fatali, Pace kien fil-gallarija tar-residenza tiegħu tal-Ħamrun u nstema’ jgħajjat ​​mal-akkużat Kurt Grech: “Ibqa hemm isfel, għax illum noqtlok.”

Filwaqt li l-ġenituri tiegħu ppruvaw jikkalmaw lil Kurt Grech wara argument li kien jinvolvi lil ibnu, hu qalilhom biex jieqfu jindaħlu u li “illum irrid nagħlaqa, min jibqa’, jibqa’.” Sadanittant ftit tal-ġimgħat qabel ma seħħ il-qtil fil-Ħamrun bdew l-argumenti bejn l-vittma u l-akkużati, nkluż xi membri tal-familja.

L-akkużat Joseph Grech, kien qal lill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud li jiem u gimgħat qabel, l-vittma Brandon Pace, kien hedded bosta drabi li ibnu Kurt li huwa wkoll akkużat bi qtil. Kien qallu li saħansitra Pace u tfajla tiegħu Jessica Bilocca, marru jsibu lit-tifel tiegħu fuq il-post tax-xogħol tiegħu, iżda Kurt dakinhar inzerta ma kienx xogħol. Meta l-pulizija staqsew lil Kurt Grech dwar dan, huwa kkonferma dan kollu.,

Mhux talli hekk imma qal li argument minnhom f’ġurnata oħra kien wassal biex Jessica Bilocca tagħtu daqqa ta’ ponn tal-ħadid fil-preżenza ta’ Brandon Pace. Meta l-pulizija staqsietu għalfejn ma kienx ma għamel rapport ta’ vjolenza domestika, Kurt wieġeb li “ma riedx jeskala l-affarijiet għax inkella Bilocca tirvilla”.

Dan kollu ħareġ meta l-aħħar xhud tal-prosekuzzjoni Keith Arnaud kien qed jiddeponi, hekk kif l-AĠ kienet qed tagħlaq il-provi tagħha fil-ġuri dwar il-qtil ta’ Brandon Pace magħruf bħala “Galalli” hekk kif għandu jixhed l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud li kien wieħed mill-ivestigaturi maġġuri f’dan l-omiċidju.

Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera il-ġuri daħal fis-sitt jum tiegħu fejn Pace kien inqatel b’ħames daqqiet ta’ sikkina fatali minn 16-il waħda li qala’ fit-2 ta’ April tal-2017, fi Triq Giovanni Barbara fil-Ħamrun. Iż-żewġ akkużati f’dan il-ġuri huma Joseph Grech ta’ 61 sena u ibnu Kurt ta’ 31 sena magħruf bħala “in-Nemes”.

Il-qtil seħħ wara argument li nqala’ bejn Kurt Grech u l-eks tfajla tiegħu Jessica Bilocca dwar binhom li dak iż-żmien kellu sitt snin. Fiż-żmien tad-delitt Bilocca kienet f’relazzjoni ma’ Pace. Il-Qorti fil-bidu tal-ġuri kienet ordnat lil media biex fl-ebda mument ma jissemma isem it-tifel li llum huwa ġuvnott u li għadu jattendi l-iskola.

L-Assistenti Kummissarju Arnaud qal li bejn iż-żewġ familji qatt ma nqala’ inkwiet fuq l-aċċess tat-tifel, qabel dakinhar tal-omiċidju. Saħaq li n-nanniet dejjem laħqu ftehiem għall-aħjar tal-minuri. Kompla jgħid li fil-filmati li l-pulizija elevat mir-residenza tal-familja Grech, deher ċar Kurt Grech dieħel fir-residenza u ħiereġ bis-skieken f’idu, b’waħda minnhom kienet safra l-istess waħda li aktar tard, l-pulizija sabet fl-isprall.

Arnaud qal li meta Kurt Grech kien mistoqsi mill-pulizija dwar l-argument mal-‘Galalli’, stqarr li fuq il-post, Pace mill-gallarija nstema’ jgħidlu “Ibqa isfel għax illum noqtlok”. Kurt Grech qal li l-ġenituri tiegħu talbuh jikkalma iżda hu qalhom “Illum irrid nagħlaqha… min jibqa’, jibqa’.

Keith Arnaud xehed fit-tul dwar l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar l-inċident, mill-mument meta l-pulizija ġew infurmati għall-ewwel darba bil-kommossjoni fi triq Giovanni Barbara fil-Ħamrun sakemm l-missier u l-iben tressqu l-Qorti.

Meta waslu fuq il-post tad-delitt, il-pulizija kienet sabet il-ġisem bla ħajja ta’ Pace fid-daħla tal-komun tal-blokka ta’ appartamenti, mimdud wiċċu ’l fuq f’għadira demm. Huwa kien liebes xorts u kien ħafi. Setgħu jidhru żewġ ġrieħi ta’ sikkina fuq sidru.

Fuq barra tal-blokka dehru biċċiet ta’ madum imkisser u tbajja tad-demm, fdalijiet marbuta mal-ġlieda li allegatament kienet seħħet ftit tal-ħin qabel bejn il-vittma u ż-żewġ akkużati. Fil-ġlieda allegatament sofrew ġrieħi ħfief ukoll is-sieħba tal-vittma, Jessica Bilocca, u omm it-tifel ta’ sitt snin.

Il-Qorti semgħet kif kienet inqalgħet polemika bejn Bilocca u omm Kurt Grech fuq il-mobajl aktar kmieni matul il-ġurnata. Il-konversazzjoni, li kienet tikkonċerna lit-tifel ta’ Bilocca, iddeġenerat f’diskors ta’ malafama.

Kien ftit wara li Kurt Grech, akkumpanjat mill-ġenituri tiegħu, ħareġ barra r-residenza Pace fil-Ħamrun. Malli semgħet l-ħsejjes tal-brejkijiet tal-karozzi u t-tisbit qawwi fil-bieb ta’ barra, omm il-vittma kienet ħarset barra u rat lill-akkużti li kienu waslu f’żewġ karozzi.

L-omm l-ewwel qalet lil binha biex joqgħod il-bogħod minnhom u wara niżlet biex tipprova tikkalma s-sitwazzjoni. Hija ntlaqgħet minn Kurt Grech li kien armat b’żewġ skieken tal-kċina. Binha ma tagħax kas tal-parir tagħha, ħareġ ftit wara, wkoll armat b’sikkina.

Ftit, omm il-vittma kienet allegatament rat lil binha jingħata daqqiet ta’ sikkina minn Kurt Grech waqt li kien mimdud mal-art qrib id-daħla. F’ħin minnhom, allegatament kien qam fuq saqajh, għamel ftit passi u waqa’ hekk kif Joseph Grech, tah daqqa ta’ sikkina f’dahru. Dan kien ġie mgħoddi lill-pulizija minn omm il-vittma u ġie miċħud minn Joseph Grech innifsu.

Anna Marie Grech, omm u mart iż-żewġ akkużati rispettivament, kienet qalet lill-pulizija li membri tad-dar ta’ Pace kienu tefgħu madum lejn l-akkużati mill-gallarija meta dawn kienu waslu fuq il-post. Il-Qorti semgħet ukoll kif il-pulizija, li waslu l-ewwel fuq il-post tad-delitt, kienu qalulhom li l-familja Grech kienet ħarbet minn fuq il-post b’żewġ karozzi separati.

It-tlieta ġew arrestati aktar tard ġewwa d-dar tal-familja fi Gwardamangia fejn l-investigaturi skoprew tbajja tad-demm f’kuritur li jwassal għall-kamra tal-banju, flimkien ma’ tajjar u garża. Kurt Grech ġie kkurat l-isptar għal ġrieħi li ġarrab fil-ġlieda. Missieru kien weġġa’ wkoll, filwaqt li l-mara u omm l-akkużati kellha tingħata l-kura għal xokk.

Iż-żewġ skieken li allegatament intużaw fl-attakk ġew irkuprati minn sprall qrib ir-residenza ta’ Grech, wara li l-pulizija wasslu għall-iskoperta tagħhom minn traċċa ta’ demm. Skieken simili nstabu fil-kċina Grech.

Kurt Grech kien qal lill-pulizija li kien mar il-Ħamrun biex jiffaċċja lill-eks sieħba tiegħu. Hu qatt ma kellu l-intenzjoni li jattakka lil Pace iżda kien mar armat peress li ma kienx jafda t-temperament tal-vittma. Barra minn hekk allegatament kien irritalja meta Brandon Pace kien ħebb għa missieru li kien qed jipprova jikkalma l-argument.

Filmati CCTV meħuda minn cameras tas-sigurtà fi triq Giovanni Barabara kif ukoll barra mir-residenza tal-akkużat kienu ġew skrutinizzati mill-pulizija. Għalkemm il-ġlieda attwali ma nqabditx, il-movimenti tal-partijiet involuti ġew irreġistrati

B’kollox, l-akkużati qegħdin jiffaċċaw seba’ kapi ta’ akkużi u minbarra l-qtil l-akkużi l-oħra jinkludu pussess ta’ skieken, theddid u ksur tal-paċi pubblika. Wara li l-prosekuzzjoni tkun għalqet il-provi tagħha, illum imiss lid-difiża li tibda tressaq il-provi tagħha hekk kif din il-ġimgħa l-ġuri mistenni li jiġi fi tmiemu.

Nhar is-Sibt il-ġurati ttieħdu għall-aċċess fil-postijiet li ffrekwentaw l-akkużati qabel u wara li twettaq id-delitt. Skont xhieda huwa mifhum, li l-akkużati kienu qed isegwu tiġrijiet taż-żwiemel fil-korsa tal-Marsa nhar it-2 ta’ April tal-2017, fejn propju beda l-aċċess tal-ġuri. Il-ġurati ntwerew ir-remissa tal-akkużati biżwit il-korsa tal-Marsa.

Fi preżenza qawwija ta’ Pulizija, u uffiċjali mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, l-akkużati kienu eskortati mill-Marsa għall-Pietà, fejn jidher li marru l-akkużati wara d-delitt taż-żagħżugħ ta’ 21 sena fil-Ħamrun. Fil-Pietà, fi Triq Santa Monika, il-ġurija kienet murija l-post illi waħda mill-karozzi tal-akkużati kienet ipparkjata, wara d-delitt…b’karozza minnhom ikollha anke traċċi ta’ demm.

Imbagħad, kienu eskortati flimkien mal-akkużati għar-residenza, tal-missier sena u l-iben, Joseph u Kurt Grech, fejn skont xhieda jidher illi nstabu swabs mimlijin demm hekk kif li Kurt Grech kellu ferita f’sidru. Meta marru fil-post il-Pulizija, dakinhar tat-2 ta’ April tal-2017, bdew isegwu t-traċċi ta’ demm li nstabu tul Triq San Girgor li wasslu għall-sprall fil-kantuniera ta’ bejn Triq id-Duluri u Triq San Girgor f’Tal Pietà. Hemm instabu żewġt iskieken ta’ 19-il ċentrimetru li kienu wkoll mċappsin bid-demm. 

L-aċċess intemm fi Triq Giovanni Barbara, propju fit-triq li twettaq id-delitt. Bil-ġurija jidħlu fi Block J, fit-tieni sular….fil-gallarija tal-kamra ta’ Brandon Pace, minn fejn bdew jitwaddbu numru ta’ madumiet għat-triq fejn kien għaddej l-argument bejn Joseph u Kurt Grech, u Brandon Pace, dakinhar tad-delitt.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali; l-akkużati qed jiddefenduhom l-Avukati Roberto Montalto, Edward Gatt u Kathleen Grima waqt li l-Avukati Rachel Tua u Ishmael Psaila qed jidhru għall-familja tal-vittma.