Lokali

Il-Gvern qiegħed fil-Parlament biex jiddefendi lilu nnifsu u mhux lill-poplu Malti

Robert Abela jibqa’ jikkonferma li mhux qiegħed fil-Parlament biex iħares l-interessi tal-poplu.

Quddiem serqa ta’ 200kg droga, Robert Abela qed ikompli jarmi lill-poplu u t-tħassib li għandu, għax moħħu biss biex iżomm lil Byron Camilleri.

Waqt kummenti li ta quddiem il-Parlament wara seduta li fiha Robert Abela rrifjuta li jitkellem dwar dak li seħħ ilbieraħ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li b’dak li qed jagħmel Abela qed jgħid lill-Membri Parlamentari tiegħu li mhumiex accountable u li jistgħu jfarfru kollox fuq ta’ taħthom.

Filwaqt li llum kulħadd qed jitkellem dwar dan l-aħħar skandlu, il-Prim Ministru ried li joqgħod jitkellem waħdu u ħalla lil kulħadd b’aktar mistoqsijiet milli tweġibiet.

Il-Ministru Byron Camilleri lanqas biss indenja ruħu juri wiċċu fil-Parlament illum, aħseb u ara kemm kien lest jiddiskuti dak li ġara.

Għandu raġun jistaħba Byron Camilleri. Għax jaf li għandu ħafna raġunijiet għal xiex jirriżenja. Il-lista ta’ skandli li fihom huwa involut hija twila:

1.   L-iskandlu tal-ID Cards foloz u l-indirizzi misruqa għall-voti

2.   L-iskandlu tal-Marokkini li ħarbu minn fuq ajruplan

3.   In-nuqqas ta’ azzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija fuq il-każ tal-Pilatus u s-serqa tal-Vitals

4.   L-iskandlu tal-benefiċċji soċjali u l-liċenzji tas-sewqan biex jinxtraw il-voti

5.   L-iskandlu taċ-ċitazzjonjiet tal-LESA

6.   L-iskandlu tat-torturi u l-imwiet fil-Ħabs b’rapport ta’ kundanna mill-Ombudsman

7.   Korp tal-Pulizija bla riżorsi

8.   U issa serqa ta’ 200kg droga minn taħt imnieħru.


Imma għal Robert Abela dan mhux biżżejjed biex jilqa’ r-riżenja ta’ Camilleri.

Għal Abela mhux ta’ tħassib li t-toroq tagħna mifqugħin b’200kg droga oħra minħabba l-inkompetenza tal-Ministru.

Robert Abela qisu ma jafx xi tfisser li jkollok persuna għażiża mifnija bil-problema tad-droga. Donnu ma waslux quddiemu r-rapporti dwar kemm qed jiżdiedu n-numri ta’ dawk li qed ifittxu għajnuna minħabba abbuż tal-kokaina u l-kannabis.

Robert Abela qisu mhux jifhem li meta ma aċċettax ir-riżenja ta’ Byron Camilleri, qed jieħu fuq spallejh ir-responsabbiltà għan-nuqqasijiet kollha tal-Ministru li qed jibqa’ jiddefendi.

Jekk għal Robert Abela huwa aċċettabbli li l-Ministru tal-Intern tiegħu minflok jgħin fil-ġlieda kontra d-droga jsir parti mill-problema, għall-Partit  Nazzjonalista żgur li dan mhux il-każ.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun fuq in-naħa tal-poplu Malti, u la Robert Abela mhux qed jagħmel dmiru u jpoġġi l-ewwel u qabel kull interess tiegħu, l-interess tal-poplu, se jkun il-PN li jagħmel dan.

“Dan ta’ Robert Abela mhuwiex Gvern li jaħdem għalik. Dan hu Gvern li jaħdmek”, sostna Bernard Grech.