Għaddew tliet snin sal-ġurnata minn meta r-Russja bagħtet lill-armati tagħha biex jinvadu lill-Ukrajna fost il-gwerra qalila li għadha għaddejja minkejja xhur twal ta’ diplomazija – u bl-ammonti tal-imwiet qed ikomplu telgħin fuq iż-żewġ naħat.
Sadanittant, il-Mexxejja tal-Ewropa, flimkien mal-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, jinsabu fi Kiev biex juru l-appoġġ tagħhom lill-President Volodymyr Zelensky u l-poplu tiegħu. Appoġġ fi żmien meta dan il-pajjiż, ‘il quddiem, jista’ ikollu jirreżisti lill-qawwiet ta’ Vladimir Putin mingħajr għajnuna min-naħa tal-Istati Uniti.
Intant, il-pajjiżi Ewropej jinsabu anzjużi ħafna f’sitwazzjoni fejn il-President Amerikan, Donald Trump, qed jipprova jimplimenta proċess ta’ paċi bejn l-Ukrajna u r-Russja akkost ta’ kollox u irrispettivament minn kif dan għandu jaffettwa lill-Ukreni. Trump, fil-fatt, beħsiebu jaqleb ta’ taħt fuq l-aħħar snin ta’ politika transatlantika fost il-messaġġi li l-Istati Uniti qed tikkunsidra sew l-alleanzi ġodda li jistgħu anki jeskludu lill-Ewropa.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, kienet fost l-ewwel mexxejja li waslu fi Kiev għall-anniversarju tal-gwerra u meta hi u l-mexxejja l-oħra jemmnu li kwalunkwe ftehim għat-tmiem tal-konflitt li jintlaħaq bl-għaġġla għandu jħalli lill-Ewropa kollha vulnerabbli għall-politika ta’ espansjoni minn Moska.
Is-summit speċjali għall-Mexxejja tal-Punent kien organizzat mill-President Zelensky u fejn il-mexxejja kollha qed jenfasizzaw is-solidarjetà mal-Ukrajna fost il-wiegħdi ġodda biex ikomplu jappoġġjaw lil dan il-pajjiż bil-fondi u l-armamenti.
Il-President Zelensky, fl-aħħar sigħat, qal li ftehim għall-paċi mar-Russja, jekk kemm-il darba jintlaħaq, kapaċi jibda bi ‘skambju sħiħ ta’ priġunieri tal-gwerra’.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Britanniku Keir Starmer – li fil-jiem li ġejjin għandu jiltaqa’ ma’ Donald Trump insista li ‘mhux bilfors li r-Russja għandha l-aħjar karti x’tilgħab f’din il-gwerra’; b’dan il-kumment jikkontradixxi l-kummenti preċedenti tal-President Amerikan.
Sadanittant, Ursula von der Leyen ikkonfermat għall-ewwel darba li l-Ukrajna se tingħata pakkett ta’ għajnuna mingħand l-UE, ekwivalenti għal €3.5 biljun. Dan biex l-Ukrajna tgawdi mil-likwidità addizzjonali u fejn anki ssibha aktar faċli biex tixtri t-tagħmir militari għad-difiża tagħha.
Filwaqt li l-UE rnexxielha tkopri l-ħtiġiet finanzjarji tal-Ukrajna għas-sena li għaddiet, il-provvista tal-armamenti lill-Ukreni wara s-sajf għadha pjuttost inċerta. Ursula von der Leyen, intant, insistiet bil-ħtieġa li l-Ewropa tħaffef il-proċess għat-trasport tal-armi u l-munizzjon lill-Ukreni u fost is-sinjali l-Istati tal-Unjoni se jkunu okkupati b’din il-ħidma matul il-ġimgħat li ġejjin.
U l-kumment sinifikanti ta’ Von der Leyen kien li “l-Ewropa u l-Punent jemmnu f’pajjiż tal-Ukrajna ħieles u sovran li ‘l quddiem jaqbad it-triq sew lejn is-sħubija fl-Unjoni Ewropea’.
//= $special ?>