Internazzjonali

Il-Papa Franġisku: Għadu kritiku… iżda t-tobba qed jidhru aktar ottimisti minn qabel

Il-kundizzjoni tal-Papa Franġisku qed tkun imfissra bħala ‘aħjar minn tal-aħħar jiem’ u wara r-rapporti li l-Kap tal-Kattoliċi kien spiċċa f’qagħda mill-aktar inkwetanti b’kaġun ta’ problemi akuti fis-sistema tan-nifs.

Madankollu, il-kundizzjoni tal-Papa xorta għadha mfissra bħala kritika – bil-Vatikan ma joffrix prognożi għalissa, minħabba ‘l-istampa klinika kkumplikata fiċ-ċirkustanzi’.

Madankollu, it-tobba fl-Isptar ta’ Agostino Gemelli (f’Ruma) fejn jinsab rikoverat il-Papa, qalu li hu ‘raqad tajjeb matul il-lejl tal-Ħadd’ u li fl-aħħar sigħat kien qed jiekol b’mod normali.

Iżda minkejja l-pronostiku pożittiv, il-Papa xorta qed jingħata t-trattament intensiv wara l-kriżi respiratorja fit-tul.

Il-Kap tal-Kattoliċi issa ilu l-isptar għal 12-il jum wara li ddaħħal l-isptar bl-effetti ta’ bronkite fl-14 ta’ Frar… kundizzjoni  li aktar tard żviluppatlu fi pneumonia.

L-aħħar bullettini mediċi qalu wkoll li l-Papa qed isofri mill-effetti tad-demm baxx kif ukoll minn xi problemi fil-kliewi li, madankollu, jinsabu taħt kontroll. Dan waqt li l-Papa, għalissa, qed ikompli jingħata t-terapija bl-ossiġnu fuq bażi konsistenti.

Matul dan il-lejl, il-Kardinali f’Ruma se jingħaqdu f’sessjoni ta’ talb għall-bżonnijiet tal-Papa u fejn se jingħaqdu magħhom il-membri tal-Kurja tal-Vatikan u tal-kleru mid-Dioċesi ta’ Ruma. Il-kelliema fis-Santa Sede qed isostnu li dawn is-sessjonijiet tat-talb għandhom ikomplu fl-iljieli li ġejjin fost l-istennija dwar il-bullettini dwar is-saħħa tal-Papa.