Lokali Parlament

Il-PN jinsisti għal dibattitu immedjat dwar is-serqa tad-droga; Robert Abela jrid jitkellem hu biss

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Gerch ressaq mozzjoni fil-parlament biex is-seduta tkun sospiża u jsir dibattitu urġenti llum stess dwar is-serqa ta’ 200 kilo droga mill-Forzi Armati Maltin (FAM) li seħħet is-sibt li għadda. Il-gvern ammetta li din hi kwistjoni urġenti iżda ma jridx dibattitu għaliex irid li l-Prim Ministru Robert Abela jagħmel biss stqarrija ministerjali u jitkellem hu biss.

Fis-seduta parlamentari tal-lum, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-poplu jinsab ixxukkjat li 200 kilo droga, li tagħmel tant ħsara iż-żgħażagħ u lin-nies u li kienet fil-kustodja tal-FAM, issa jinsabu fit-toroq tal-pajjiż. Din id-droga insterqet minn taħt imnieħer il-FAM li responsabbli għalihom hu l-Ministru Byron Camilleri; li lanqas biss mar il-parlament biex iwieġeb għal għemilu.

Il-Kap tal-Opożizzjoni ressaq talba biex il-parlament jaġġorna biex jiddiskuti din is-sitwazzjoni urġenti u ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali.

Dan kif ammetta l-istess Ministru tal-Intern, li fi stqarrija qal li d-droga li kienet iqabdet fil-Free Port f’Ġunju 2024 kienet insterqet minn comtainer mill-propjetà tal-FAM. Dan hu każ ta importanza nazzjonali tant li l-istess ministru offra r-riżenja tiegħu iżda kontra l-interess tal-pajjiż il-Prim Ministru rrifjutaha.

Minħabba l-gravità tal-każ kien sospiż il-Brigadier tal-FAM iżda l-ebda politiku ma ġarr ir-repsonsabbiltà politika. Għalhekk fil-pajjiż hawn 200 kilo gramma fis-suq lesta biex tiġi traffikata u tkisser lill-vittmi. Dan hu aġir tal-Prim Ministru li jammonta għal nuqqas ta’ gravi ta’ responsabbiltà u wkoll nuqqas mill-Ministru Byron Camilleri.

Hu qal li ssa l-Prim Ministru mhux biss qed jiddefendi l-indifensibbli iżda qed jikkundanna lill-gvern sħiħ tiegħu għal din is-serqa. Il-gvern qed jgħid li dawn huma pantomini; jmissu jistħi! sostna Bernard Grech, li kompla li din kwistjoni ta’ urġenza nazzjonali. Għalhekk il-PN qed iressaq mozzjoni għall-aġġornament tal-parlament biex din il-kwistjoni tkun diskussa.

Il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia qalet li tifhem l-urġenza u t-tħassib li jġib dan il-każ u mhijiex se tnaqqas mill-importanza tiegħu iżda l-parlament għandu dmir li jsiru l-investigazzjonijiet u bla xkiel tant li hemm inkjesta maġisterjali u amminstrattiva. Għalhekk il-gvern ma jemminx li għandha ssir diskussjoni fil-parlament iżda l-Prim Ministru jixtieq jagħmel stqarrija ministerjali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni wieġeb li jekk hu veru li l-gvern qed jifhem il-gravità tas-sitwazzjoni m’hemmx raġuni għaliex ma ssirx diskussjoni parlamentari iżda l-Prim Ministru ma jridx diskussjoni u l-Ministru Camilleri lanqas jinsab fil-parlament. L-ewwel responabbiltà hi lejn il-poplu Mati u Għawdxi, sostna Bernard Gerch.

Il-parlament jinsab sospiż sakemm jiddeċiedi l-Ispeaker u jagħti ruling.

Meta ntemmet is-sospensjoni tas-seduta, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-kwistjoni hi waħda ta’ tħassib iżda l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u jekk issiru diskussjoni jista’ jinħoloq preġudizzju. Għalhekk is-Sedja qalet li minħabba li se ssir stqarrija ministerjali, il-kelliema għandhom ikunu kawti u ma tistax taċċetta t-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Gerch staqsa min se jikkawtela d-drittijiet tal-vittmi li hu l-poplu minħabba li l-Ispeaker iddeċieda li d-diskussjoni tista’ tippreġudika s-sitwazzjoni. Hu staqsa jekk hemmx garanzija li d-diskors tal-Prim Ministru hux se jippreġudika l-każ. Bernard Grech qal li l-PN mhux se jbaxxi rasu għad-dritt tal-poplu li jiddibatti u jagħmel id-domandi tiegħu dwar dan il-każ. Is-Sedja qed tagħlqilna ħalqna, sostna Bernard Grech, li kompla li l-poplu Malti qed jifhem li insterqu 200 kilo droga u s-Sedja u l-Prim Ministru jridu jagħlqu ħalq l-Oppożizzjoni.

L-Ispeaker ordna li ssir id-diskussjoni bl-istqarrija tal-Prim Ministru.

Il-Parlament jerġa’ jinsab sospiż wara diversi interruzzjonijiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Meta kompliet is-seduta, il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-Ispeaker li d-diskors tal-Prim Ministru jkun miktub u jingħata fil-parlament.

L-Ispeaker qal li hu kien diġà ta l-kawtela u se jkun hemm traskrizzjoni tal-istqarrija tal-Prim Ministru.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ sostna l-pożizzjoni tiegħu dwar il-kawtela bl-Ispeaker sostna li l-kawtela għandha tinżamm tul is-seduta kollha. Bernard Grech sostna li bl-istess riga, l-Ispeaker seta’ żamm kawtela u jsir dibattitu iżda ħass li kellu jwaqqaf id-dibattitu. L-Ispeaker qal li s-Sedja tiddeċiedi dwar id-dibattiti parlamentari.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li s-Sedja mhijiex tapprezza l-gravità tas-sitwazzjoni li 200 kilo droga li suppost qiegħda sigur possibbilment tinsab fit-toroq u fost iż-żgħażagħ. Hu kompla li peress li l-Gvern hemm min qal li x’jiġiferi qed jitkellem ‘dan’, ‘dan’ qed jitkellem għaliex fil-pajjiż xi ħadd irid jitkellem dwar il-vittmi. Il-parlament m’għandux jaċċetta li l-Prim Ministru jaqbad jattakka lill-Oppożizzjoni iżda l-poplu jrid ikun jaf kif insterqet id-droga fejn tinsab u min hu responsabbli, sostna Bernard Grech, li kompla li l-Prim Ministru jrid jifhem li nsterqet 200 kilo u meta li jipprova jżeblaħ il-vittmi tad-droga jkun qed jilgħab għall-gallarija u mhux jiddefendi lill-vittmi tad-droga.

Għal darb’oħra s-seduta kellha terġa’ tkun sospiża minħabba interuzzjonijiet bejn id-deputati tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni.

Meta kompliet is-seduta l-Ispeaker appella biex id-deputati jkunu korretti fil-kummenti tagħhom.

Id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg insista mal-Ispeaker biex jordna lill-Prim Ministru jirtira l-kliem dispreġjattiv li qal fil-konfront tiegħu iżda l-Prim Ministru qal li l-ewwel irid ikun Alex Borg li jirtira d-diskors li qal fil-konfront tiegħu imbagħad hu jirtira d-diskors tiegħu. Id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg qal li l-Prim Ministru kien għajru ‘pulċinell’ waqt li ilu xhur jgħajru ‘Mr.Facebook’.

Il-Prim Ministru qal li hu wkoll kien qed joġġezzjona għall-kliem tal-Kap tal-Oppożizzjoni li akkuża lill-gvern li hu assoċjat mal-kriminali u li d-deputati Laburisti huma koċċuti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech insista mal-Ispeaker li ma jħallix lill-Prim Ministru jgħajjar deputati Nazzjonalisti u nsista wkoll li jingħata ruling dwar dak li l-Prim Ministru qal fuq Alex Borg. Il-Prim Ministru ukoll talab ruling fuq dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

L-Ispeaker reġa’ ssospenda l-Kamra biex jagħti r-rulings mitluba.

Meta kompliet is-seduta, l-Ispeaker iddeplora l-kummenti dispreġjattivi li jsiru u qal li l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni għadhom jirtiraw il-kummenti li saru miż-żewġ naħat. L-Ispeaker appellalhom biex iqumu t-tnejn flimkien u jirtiraw id-diskors li qalu lil xulxin. Il-Prim Ministru qal li kien se jimxi mar-ruling tas-Sedja waqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li kien se jżomm mal-kliem li qal minħabba d-dikjarazzjoni tal-qorti fid-deċiżjoni dwar l-isptarijiet fejn iddikjarat li l-gvern kien f’konfoffa minn wara dahar il-poplu Malti.

Fl-istqarrija tiegħu l-Prim Ministru qal li kull min kien involut f’din is-serqa għandu jħallas għal għemilu quddiem il-ġustizzja u żied li dan il-każ qajjem interess pubbliku. Hu żied li l-gvern qed jagħti r-riżorsi kollha neċessarji.

F’dan il-mument il-Kamra reġgħet kienet sospiża waqt interruzzjonijiet mid-deputati Nazzjonalisti.

Wara ftit minuti l-Ispeaker reġa’ daħal fil-Kamra u minħabba li kien sar il-ħin is-seduta kienet aġġornata għal għada it-Tlieta meta se tkompli l-istqarrija tal-Prim Ministru.