Ekonomija Lokali

Il-prezzijiet tal-ikel, is-saħħa u t-trasport bl-ajru qed jibqgħu jaffettwaw l-għoli tal-ħajja

FʼJannar 2025, l-akbar kontribuzzjoni għall-inflazzjoni annwali ġiet mill-Indiċi tat-Trasport (+0.54 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tas-servizzi tat-trasport bl-ajru. Dan filwaqt li t-tieni u t-tielet l-akbar kontribuzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja kienu nnotati fl-Indiċi tal-Ikel u x-xorb mhux alkoħoliku (+0.32 punti perċentwali) u fl-Indiċi tar-Ristoranti u l-Lukandi (+0.31 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet ogħla tal-prodotti tal-ħelu u tas-servizzi tar-ristoranti, rispettivament.

L-aħħar ċifri maħruġa mill-NSO juru li kien hemm żidiet kemm fl-ispejjeż marbutin ma’ saħħa kif ukoll spejjeż edukattivi.

Min-naħa l-oħra, il-kontribuzzjonijiet negattivi għall-inflazzjoni annwali kienu rreġistrati fl-Indiċi tal-Komunikazzjoni (-0.20 punti perċentwali) u fl-Indiċi tal-Għamara, it-tagħmir tad-dar u l-manutenzjoni kontinwa tad-dar (-0.01 punti perċentwali), l-aktar minħabba prezzijiet inqas għas-servizzi tal-mowbajl u l-apparat domestiku, rispettivament.