L-għaqda Repubblika tqis li din is-serqa hija materja tal-akbar ġravità fuq ħafna livelli. Hija gravi għax hija serqa minn post fejn suppost huwa mgħasses mill-Forzi Armati ta’ Malta; hija aktar gravi għax hija serqa ta’ drogi u jerġa’ hija aktar gravi għax huma drogi li suppost inqerdu b’ordni tal-Qorti.
Fi stqarrija, Repubblika qalet ukoll li “aħna jidhrilna li quddiem sitwazzjoni gravi bħal din, il-maturità titlob li tinġarr ir-responsabbilità politika. Ministru serju, integru u responsabbli jirriżenja quddiem skandlu bħal dan, anke jekk personalment m’għamlux hu.”
Kif il-Ministru jieħu ċ-ċapċip u l-prosit meta n-nies ta’ taħtu ikollhom suċċess, hekk ukoll għandu jġorr ir-responsabbiltà għal żbalji gravi bħal dan. Mhux sewwa li l-Brigadier tal-Armata huwa sospiż u l-Ministru għadu hemm.
Niftakru li din hija l-aħħar storja f’sensiela twila ta’ skandli f’dan il-ministeru, inkluż il-problemi f’Identità u r-rapport xokkanti tal-Ombudsman dwar il-ħabs u l-imġiba ta’ Alex Dalli.
Nistennew ukoll trasparenza sħiħa dwar dak li ġara u ċ-ċirkostanzi kollha.
Fost l-oħrajn il-Gvern għandu jkun ċar:
1. Kemm kien ilha tistenna biex tinqered din id-droga?
2. Għaliex kienet għadha ma nqerditx?
3. Kemm hemm droga li suppost inqerdet fl-aħħar snin u s’issa għadha ma nqerditx?
4. Kien hemm droga oħra li suppost inqeredet imma nsterqet?
L-għaqda Repubblika kkonkludew li ma nistgħux nibqgħu ngħixu f’pajjiż fejn tirrenja l-impunità.
//= $special ?>