Lokali Qorti

Kelb li miet wara li allegatament ġie immaltrattat minn ‘groomer’

Kelb domestiku miet wara li żvina internament wara li ‘groomer’ żammu b’ċinga tal-metall u mmaniġġjah b’mod goff. Prince, tar-razza Pomeranian, kien qed “ibati u jiġġieled għall-ossiġnu” hekk kif kien qed jiġi ‘groomed’ minn Alejandro José Molina Becerra, f’Ħal Għaxaq, dan skont id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali wara li rreveda filmati tas-CCTV.

Becerra ta’ 29 sena u s-sid ta’ Petland, Soren Nygaard Anderson ta’ 38 sena, ġew akkużati li mmaniġġjaw ħażin il-kelb, li wassal għall-mewt tiegħu. Huma qegħdin iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

Il-każ imur għall-4 ta’ Settembru 2023, meta l-koppja Keith u Nadia Caruana ddeċidew li jieħdu lil Prince fil-ħanut Petland għall-ewwel darba. Nadia Caruana ħalliet lil Prince biex jiġi mqaxxar fit-8.30am. Ir-rapport tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali, ippreżentat bħala evidenza fil-każ, ta rendikont dettaljat tat-“tekniċi ħorox” li allegatament uża l-groomer.

Skont ir-rapport, filmati tas-CCTV wrew lil Prince jitpoġġa fuq mejda b’“noose” (ċinga tal-metall) marbuta sewwa ma’ għonq il-kelb. Waqt li Prince kien qed jinżamm marbut, il-groomer kien regolarment jagħti dahru lill-kelb u jibqa’ fuq il-mobajl tiegħu bil-headphones jaħdmu.

Il-filmati juru kif il-groomer qabad il-kelb minn widnejh, refgħu minn rasu, dawru, ġibdu minn denbu, beda joxomtu bil-goff bejn wieħed u ieħor, u uża l-hair dryer qrib wiċċ Prince. “Il-Pomeranian hawn wera sintomi ta’ diffikultà biex jieħu n-nifs, jiġġieled għall-arja, qtugħ ta’ nifs kostanti, jibdel il-kulur tal-ilsienu, jirremetti, sar letarġiku, u jiġġieled kontinwament biex jeħles mill-irbit li kien fih,” qal ir-rapport, wara li analizzati l-filmati.

Ir-rapport żied jgħid li dawn ir-reazzjonijiet ġraw ta ‘spiss waqt li Prince tpoġġa taħt il-kura tal-groomer, iżda l-groomer “baqa’ jinjora s-sinjali tat-tbatija li għadda minnha l-Pomeranian”. Iktar minn siegħa wara, il-groomer poġġa lil Prince, li allegatament kien għadu nieqes millll-arja, ġewwa ċestun.

Aktar tard il-kelb ħareġ miċ-ċestun u kkollassa waqt li kien qed jieħu n-nifs mgħaġġel u profond, ġeneralment ikkawżat minn ansjetà jew paniku. Madwar 15-il minuta wara, mill-ħanut issejjaħ veterinarju. Wara li wasal fuq il-post, il-veterinarju induna li Prince kien ċeda għall-ġrieħi li kellu.

Rapport tal-awtopsja sab li Prince miet wara li żvina internament. L-Ispettur Doriette Cuschieri qed tmexxi l-prosekuzzjoni. L-avukati difensuri Chris Vella u Maria Sarah Vella Gafà rrappreżentaw lill-akkużat. L-avukati Jason Grima u Kirsty Muscat huma parte civile għal Keith u Nadia Caruana.