Il-Qorti Kostituzzjonali ppreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul. kkonfermat is-sentenza li fiha l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kienet ordnat lill-Avukat Ġenerali u lill-Avukat tal-Istat jagħtu kumpens ta’ €7,000 bejniethom lill-eks Chairman tal-Enemalta Tancred Tabone talli l-kawża li fiha qed jiġi mixli b’tixħim ilha għaddejja 12-il sena.
Tabone, kien serva bħala Chairman bejn l-2003 u l-2005, kien akkużat b’rabta mal-iskandlu taż-żejt tal-2013 li hu u persuni oħra marbuta mal-Enemalta kienu xxaħħmu min-negozjant taż-żejt George Farrugia li kien ingħata l-maħfra presidenzjali biex jixhed dwar dan il-każ. Kien hemm persuni li diġà ngħtaw sentenza f’dan il-każ u kienu ħarġu liberati.
Fil-każ ta’ Tabone ġie evalwat l-64 seduta tal-każ u li f’ħafna minnhom, hemm imniżżel li ma sar xejn u li ftit kienu s-seduti li fihom xehdu aktar minn żewġ persuni. Irrimarkat li l-ewwel seduti jkunu “mimlijin b’enerġija” minħabba l-interess politiku tal-każ, iżda wara ftit, “aħbar toqtol lill-oħra” u l-każ prattikament intesa. “Li fi 42 seduta prattikament ma jsir xejn mhux aċċettabbli”,kien ilmenta l-Imħallef Abela fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u li fakkar kif Tabone għad għandu ħafna mill-assi tiegħu ffriżati.
Tabone dejjem ċaħad akkużi ta’ korruzzjoni, b’kompliċità fi kxif ta’ sigrieti fdati lilu minħabba l-kariga li kellu, li għamel qligħ b’qerq ta’ aktar minn €2,329 b’dannu għall-Mediterranean Offshore Bunkering Company Limited u b’ħasil ta’ flus.
Il-kawża kontrih bdiet fid-19 ta’ Frar 2013 u għadha pendenti b’Tabone, li għandu 72 sena, fetaħ kawża ċivili fl-2023 fejn talab kumpens għal dan id-dewmien. Fil-11 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili tatu raġun u ordnat lill-Avukat tal-Istat u lill-Avukat Ġenerali biex bejniethom jagħtuh kumpens ta’ €7,000.
Huma appellaw mis-sentenza fejn sostnew li Tabone qatt ma lmenta dwar id-dewmien tal-każ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Madankollu l-appell kien miċħud mill-Qorti Kostituzzjonali fejn tgħat raġun lil Tabone fejn ingħad li kien ħaqqu l-kumpens.
//= $special ?>