Lokali

Kumitat ġdid għall-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja

Waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja (CSA), li
tirrappreżenta 55 skola tal-Knisja f’Malta u Għawdex, intagħżlu l-membri l-ġodda
tal-kumitat għas-snin 2025-2028.

Stephen Cachia ġie magħżul bħala l-Koordinatur tal-Assoċjazzjoni. Patri Clinton
Farrugia MSSP intgħażel bħala Deputat Koordinatur, Patri David Cortis OSA bħala
Teżorier, Roberta Mifsud Bonnici bħala Segretarju u Melanie Ungaro bħala Viċi
Segretarju. Bħala membri tal-kumitat intgħażlu Elton Vella, Sr Marica Briffa, Daniela
Demicoli u Johann Tabone.

L-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja twaqqfet fl-2015 sabiex toħloq network ta’
kollaborazzjoni, għarfien u tisħiħ bejn l-iskejjel tal-Knisja fid-dawl tal-Evanġelju u
tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika fi djalogu sħiħ mal-kultura kontemporanja, kif ukoll
iżżomm fiċ-ċentru lill-istudent skont il-kariżma ta’ kull ordni reliġjuż, assoċjazzjoni
lajkali jew djoċesana.

Fost l-oħrajn, l-aAssoċjazzjoni toffri opportunitajiet ta’ formazzjoni professjonali u
spiritwali lill-kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja waqt li ssaħħaħ u tiffaċilita d-djalogu
mas-Segretarjat tal-Edukazzjoni Nisranija, u tiżgura li l-membri tagħha jkunu
rappreżentati f’laqgħat ma’ gruppi governattivi u tal-Knisja, kif ukoll ma’ entitajiet oħra.

L-iskejjel tal-Knisja joffru edukazzjoni lil madwar 32% fil-mija tal-istudenti kollha
fil-Gżejjer Maltin li qegħdin fil-fażi obbligatorja tal-formazzjoni edukattiva tagħhom