Publius Vella li l-ġimgħa d-dieħla jagħlaq 74 sena, u li huwa mix-Xewkija, ġie mmultat €1,500 mill-Maġistrat Jean Paul Grech fil-Qorti ta’ Għawdex wara li nstab ħati ta’ nsib illegali fejn il-Pulizija elevat b’kollox 33 għasfur protett u casette li jintuża illegalment għal insib.
Il-Pulizija spjegat fil-Qorti li fil-15 ta’ Novembru 2023, għall-ħabta tal-10:45am, kienu qegħdin jagħmlu ronda b’rabta ma’ nsib jew kaċċa illegali fi Triq id-Daħla tal-Għama, limiti ta’ Għajnsielem. F’punt minnhom semgħu l-ħsejjes ta’ diversi għasafar tal-għana.
Minn verifiki li għamlu huma sabu mansab armat bix-xbiek u l-għasafar. Però ma’ dan il-mansab ma kien
hemm ħadd. Lanqas ma kien hemm ħadd fid-dura minn fejn kien qed jitħaddem il-mansab. Maġenb id-dura kien hemm vettura Mitsubishi pick-up kif ukoll kamra żgħira li kienet miftuħa.
Ġod-dura nstab ‘mobile phone’ tal-għamla Panasonic. Minn verifiki li għamlu l-Pulizija dak il-ħin, il-mansab ma kienx jidher li kien reġistrat. Il-Pulizija elevaw b’kollox 33 għasfur u casette. Għalkemm fuq il-post il-Pulizija ma kienu innutaw lil ħadd, minn investigazzjonijiet li huma għamlu rriżulta li kemm il-‘mobile phone’ kif ukoll il-pick-up kienu jappartjenu lil ċertu Publius Vella.
Vella ġie msejjaħ l-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat, Għawdex, fejn wara li kkonsulta mal-Avukat tal-fiduċja tiegħu, huwa stqarr mal-Pulizija li l-mobile kien tilfu fl-akkwati fejn instab mill-Pulizija. Dan peress li huwa
għandu raba’ fl-inħawi.
Għar-rigward il-mansab u l-għasafar, l-akkużat stqarr li huwa ma kienx nassab u li ma kellux liċenzja
sabiex jonsob. Mill-provi prodotti jirriżulta biċ-ċar li għalkemm il-Pulizija ma sabux lill-akkużat fuq il-post xħin marru jagħmlu l-ispezzjoni, m’hemmx dubju li dakinhar tal-15 ta’ Novembru 2023, l-akkużat kien fl-akkwati ta’ fejn instab il-mansab armat u l-għasafar.
Infatti l-Pulizija sabu l-mobile tal-akkużat fid-dura tal-mansab li kien armat kif ukoll il-vettura tiegħu
ipparkjata ftit metri mill-istess dura. Dan kollu jikkonfermah l-istess akkużat kemm fl-istqarrija tiegħu u anke fix-xhieda li huwa ta quddiem il-Qorti.
Apparti l-konferma li nġabet mill-Prosekuzzjoni tramite x-xhieda tar-rappreżentant ta’ Transport Malta, li l-vettura li nstabet fuq il-post tgħajjat lill-akkużat. L-akkużat innifsu kkonferma li l-vettura hija tiegħu. L-akkużat ikkonferma wkoll li l-mobile li kien instab fuq il-post kien tiegħu.
Mill-bodycam footage esebit, din il-Qorti setgħet tinnota li l-mobile instab fid-dura li minnha kien qed isir l-insib. Jiriżulta li huwa poġġut fuq paletta tal-injam u kien hemm ukoll flixkun ilma qribu. Mobile li jkun intilef ma jkunx imqiegħed pulit fuq paletta tal-injam.
Li kieku kien verament intilef, il-probabbilità kien li l-mobile jinstab fl-art f’xi parti tal-għalqa, f’xi kamra jew fejn il-vettura u mhux poġġut fuq paletta. Fix-xhieda tiegħu, l-akkużat jistqarr li xi ħadd sab il-mobile tiegħu u dan poġġieh fid-dura.
L-akkużat, però, jistqarr li ma jafx min għamel hekk u li hu m’għandu l-ebda konnessjoni ma’ dak il-mansab. Ma kien jagħmel l-ebda sens li xi ħadd isib il-mobile tal-akkużat u jpoġġih f’post li l-akkużat ma kellu l-ebda rabta miegħu.
Il-fatt li dan il-mobile intefa’ fid-dura sinjal li jekk tabilħaqq dan instab minn xi ħadd, dak ix-xi ħadd kien konxju li l-akkużat kellu konnessjoni ma’ dik id-dura għaliex altrimenti ma kien jagħmel l-ebda sens li jħallih hemm.
Il-Qorti qalet li issibha diffiċli biex temmen li dan il-mobile verament kien intilef u nstab minn xi ħadd li mbagħad tefgħu fid-dura. Il-Qorti hija konvinta – tenut kont il-provi li nġabu – li l-akkużat kien jinsab fid-dura jonsob, sema’ jew ra lill-uffiċjali tal-Pulizija ġejjin, staħba biex ma jinqabadx u fil-fixla nesa l-mobile warajh fl-istess dura.
Din il-konvinzjoni tal-Qorti tkompli ssib sostenn fil-fatt li minkejja li l-akkużat ikun ta’ kuljum fl-inħawi, huwa ma kienx f’pożizzjoni li tal-anqas jindika min hu sid il-mansab jew inkella min jagħmel użu mill-mansab, aktar u aktar meta kif jgħid huwa stess dan il-mansab qiegħed maġenb ir-raba’ tiegħu.
Huwa għamel riferenza għal wieħed Malti mingħajr ma jagħti l-ebda dettalji ta’ dan il-Malti. Li kieku l-akkużat imur fl-inħawi darba kultant, il-Qorti forsi kienet tasal biex temmen din id-dikjarazzjoni tal-akkużat li ma jafx min hu sidu jew min jagħmel użu minnu.
Iżda żgur li mhux konvinta bil-veraċita ta’ din id-dikjarazzjoni meta l-akkużat innifsu jistqarr li huwa ta’ kuljum ikun fl-inħawi biex iqatta’ l-ħin. Il-fatt li mal-kamra viċin il-mansab u l-kamra fejn kienet parkeġġjata l-vettura tal-akkużat jidhru wkoll bozoz, huma indikazzjoni kif l-akkużat jiffrekwenta l-inħawi fil-ħinijiet kollha tal-ġurnata u mhux biss fid-dawl tax-xemx.
Għalhekk assolutament ma titwemminx id-dikjarazzjoni tal-akkużat li ma jafx ta’ min hu l-mansab jew inkella min jagħmel użu minnu. Dan biex ma jingħadx ukoll li fl-istqarrija oriġinali tiegħu lill-Pulizija lil dan il-Malti li suppost kien qed jonsob minn dan il-mansab, l-akkużat ma semmiehx.
Fl-istess stqarrija l-akkużat lanqas ma ta xi spjegazzjoni għalfejn il-mobile tiegħu kien instab f’din id-dura. Apparti minn hekk, li kieku verament fid-dura ma kienx hemm l-akkużat iżda kien hemm ħaddieħor, din il-Qorti tqis li l-akkużat kien mill-ewwel jindika min seta’ kien hemm fid-dura biex jipprova jelimina d-dell li ntefa’ fuqu bil-fatt li l-mobile tiegħu kien instab fid-dura.
Dan l-akkużat m’għamlux proprju għaliex ma kien hemm ħadd ieħor fid-dura ħlief hu stess. Ta’ min jgħid ukoll li l-Pulizija fl-ebda ħin ma indikaw li fil-ħin li għamlu l-ispezzjoni kien hemm xi vetturi oħra parkeġġjati fl-akkwati.
Il-Qorti setgħet tinnota mill-filmati kif l-akkwati huma fl-imwarrab sew u biex wieħed jasal għalihom bil-fors irid imur bil-vettura. Jekk allura ma kien hemm l-ebda vetturi oħra ħlief dik tal-akkużat, sinjal li l-akkużat biss kien hemm fuq il-post dak fil-ħin li waslu l-Pulizija.
Il-Qorti għalhekk hija konvinta li l-provi ċirkustanzjali li ġew prodotti kollha jippuntaw lejn konklużjoni waħda: li l-akkużat dakinhar kien fis-sit u li huwa kien qed jonsob mill-mansab u d-dura li l-Pulizija sabu.
B’riferenza għall-akkużi, dawn jirriżultaw mill-provi prodotti, senjatament mill-affidavit tas-Surġent Jason Xerri u mix-xhieda mogħtija mir-rappreżentant tal-Wild Bird Regulations Unit John Paul Portelli. Rigward l-ewwel akkuża, jingħad li l-akkużat ma kellux liċenzja sabiex jonsob. Dan ħareġ kemm mix-xhieda ta’ Portelli kif ukoll ikkonfermaha l-akkużat innifsu.
Rigward it-tieni u t-tielet akkuża jingħad li l-maġġor parti tal-għasafar ma kellhomx ċrieket. Fit-termini tar-regolamenti applikabbli, din hija indikazzjoni ċara li l-provenjenza tal-istess għasafar ma kinitx waħda
legali.
Dawk li kellhom ċrieket, kellhom ċrieket li kienu foloz u li ma kinux ġew provduti mid-Dipartiment. Għalhekk, lanqas dawn l-għasafar ma kienu inregola. Rigward ir-raba’ akkuża, il-mansab ma kienx reġistrat.
Il-Pulizija xħin marru fuq il-post fejn sabu l-għasafar kienu ħadu l-coordinates tas-sit u rrappreżentant tal-WBRU kkonferma kif dan il-mansab partikolari identifikat bil-coordinates li ħadu l-Pulizija ma kienx reġistrat fis-sistema tad-Dipartiment.
Għalhekk, il-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova l-erba’ akkużi. Konsegwentement il-Qorti sabet lill-akkużat ħati tal-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu. Għall-fini ta’ piena l-Qorti sejra tieħu inkunsiderazzjoni tan-numru ta’ għasafar li nstabu kif ukoll il-fatt li minkejja li l-istaġun kien miftuħ, l-akkużat ma kien bl-ebda mod ikkonforma ruħu mar-regolamenti biex ikun jista’ jonsob.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Spettur Keith Xerri.
//= $special ?>