Raġel ta’ 69 sena ġie mmultat €3,000 u ġie skwaifikat milli jsuq għall-perjodu ta’ tliet xhur wara li nstab ħati li bil-karozza tiegħu saq b’mod perikoluż meta qasam karreġġjata biex jidħol fi triq bil-konsegwenza li seħħet ħabta li fiha kisret idha passiġġiera li kienet fil-karozza l-oħra.
Joseph Buttigieg tressaq mill-Ispettur Diana Vella u nstab ħati li fl-14 ta’ Awwissu 2022, fi Triq Għajn Qajjet fir-Rabat, saq b’manjiera traskurata u weġġa’ tfajla. It-tfajla kienet fil-kumpanija tal-għarus tagħha, li kien qed isuq.
Huma xehdu kif Buttigieg qasam bil-karozza biex jidħol fi triq u spiċċaw ħabtu bil-konsegwenza li weġġa’ lit-tfajla u kkaġuna ħsara fil-vettura. Joseph Buttigieg qal minn naħa tiegħu li huwa waqaf biex jara kinux ġejjin karozzi u ma ra xejn, imbagħad x’ħin saq sema’ ħoss u seħħet il-ħabta.
Wara li semgħet il-partijiet, il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace kkonkludiet li l-akkużat naqas li jkun attent meta qasam karreġġjata opposta mingħajr ma ħa l-prekawzjonijiet neċessarji. Għaldaqstant sabitu ħati u kundannatu ħlas ta’ multa ta’ €3,000, skwalifikatu mil-liċenzja tas-sewqan għal tliet xhur u naqqsitlu tmien punti fuqha.
//= $special ?>