mid-Deputat Ivan Bartolo
Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali, il-Ġlieda Kontra l-Faqar, l-Esklużjoni Soċjali u l-Pensjonijiet
Soċjetà ġusta tipproteġi u tirrispetta d-drittijet umani, ta’ kulħadd. Dan kollu ma jkunx possibbli jekk ma jinstemgħux il-vuċijiet kollha.
Isseħħ biss meta kull ħlejqa jkollha aċċess xieraq u reali għall-affarijiet essenzjali bħal saqaf fuq rasha, ikel u edukazzjoni.
Ġustizzja Soċjali meta d-drittijiet ta’ kulħadd huma rispettati u protetti; meta kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet.
Matul din il-ġimgħa wassalna dan il-messaġġ b’diversi modi. Madanakollu rridu nibqgħu nisħqu dan il-messaġġ ta’ Ġustizzja Soċjali; mhux matul din il-ġimgħa biss iżda matul is-sena kollha.
Għax fuq kollox dan li nfakkru din il-ġimgħa ma jiggarantixxix soċjetà perfetta u li kulħadd se jkun kuntent iżdaalmenu nibqgħu ntambru li kulħadd għandu ċ-ċans li jaħdem għall-ħajja li jixtieq u jgħix mingħajr ma jsofri diskriminazzjoni.
Dawk mgħammdin bil-Ġustizzja Soċjali
Ġustizzja Soċjali hija sinonima ma’ bnedmin ta’ rieda tajba, ġejjin minn fejn ġejjin. Jekk bniedem ta’ rieda tajba ma jwettaqx Ġustizzja Soċjali, in-natura ma tħallihx ipoġġu rasu fuq l-imħadda.Dawk mgħammda bil-Ġustizzja Soċjali jagħmlu s-sewwa akkost li jħallsu prezz.
Dawk mgħammda bil-Ġustizzja Soċjali jħaddnu l-valur tal-prudenza, fejn wieħed jiddjaloga u jisma’. Il-prudenza tgħallem li wieħed mhux biss jaħdem għad-drittijiet imma li qatt ma jinsa d-dmirijiet.
Dawk mgħammda bil-Ġustizzja Soċjali jemmnu fil-meritokrazija, fejn wieħed jingħata dak li ħaqqu…il-prinċipju sagrosant li, għall-istess xogħol jingħata l-istess ħlas.
Għalina l-Ġustizzja Soċjali hi li tiġġieled għal dak li temmen fih anke jekk taf li għandek il-mewġ kontrik.
Kulħadd għandu dritt jasal fejn għandu jasal bil-potenzjal tiegħu.
Ħolma?
Ġustizzja Soċjali tinħass meta tgħix f’pajjiż fejn tgħid dak li tħoss, dak li tesprimi bi prudenza, tista’ tagħmel dan bla biża ta’ xejn.
Ġustizzja Soċjali meta tħoss li s-soċjetà li fiha tgħix, hi mibnija fuq ġustizzja u serħan il-moħħ.
Ġustizzja Soċjali ssaltan meta ssib fuq min iddur u miegħu jew magħha tista’ tiftaħ qalbek liberalment dwar l-isfidi soċjali li tkun għaddej minnhom.
Il-bniedem fiċ-ċentru
Irridu nibqgħu nisħqu dwar il-bniedem li jibqa’ fil-paġna tan-nofs, ġej minn fejn ġej. Il-bniedem għandu l-istess organi, fiżjonomija. Il-bniedem ma jiġiex kwalifikat skont il-kulur, ir-razza, is-sess u l-lsien.
Il-bniedem jibqa’ bniedem Il-bniedem, mhux l-‘alla tal-flus’. Sewwa u xieraq meta l-bniedem ikun fiċ-ċentru tas-sistemi soċjali u ekonomiċi…. dejjem jekk irridu li ssaltan il-Ġustizzja Soċjali.
Naħdmu biex niksbu ugwaljanza vera billi nagħmlu l-parti tagħna ħalli niżguraw lil-kawżi strutturali tal-faqar u l-inġustizzji jiġu indirizzati minn dawk li għandhomis-setgħa li jagħmlu dan.
Illum mistednin niftakru li l-faqar hu reali u li hemm wħud minnha li qed jitqabdu biex jgħixu, u li aħna msejħin nieħdu azzjoni konkreta biex jinqered il-faqar f’kull forma tiegħu. Il-faqar mhux sfortuna inevitabbli: il-kawżi tiegħu jridu jiġu identifikati biex jitneħħew.
Il-barranin jibqgħu barranin?
Għalhekk f’din il-ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali nenfasizzaw fuq iż-żgħir. Nenfasizzaw li kull l-ħaddiem għandu jkun rispettat u r-rwol tiegħu hu li b’dinjità jgħin għat-tkabbir ekonomiku, imma wkoll biex dawn il-ħaddiemama jitqisux sempliċiment bħala xogħol irħis li jintrema meta m’hemmx iktar bżonnu. Aħna kontra kull forma ta’ skjavitu modern.
Irridu f’din il-ġimgħa u dejjem nibqgħu niġġieldu kontra l-indifferenzi f’ħajjitna, u nkunu aktar konxji tal-ħtiġijiet ta’ ħaddieħor.
Nirrispettaw id-dinjità ta’ kull bniedem, ġej minn fejn ġej u niżguraw li t-trattamenti kollha tagħna magħhom ikunu karatterizzati b’rispett u ġustizzja; nieqfu għall-intolleranza, il-preġudizzju, ir-razziżmu u l-istmerrija qawwija lejn il-barrani; u nqisu lil kull bniedem daqslikieku dak kien missieri, ħija, ommi, oħti.
Il-ħaddiema informali huma f’riskju doppju li jkunu fqar meta komparati ma’ ħaddiema formali. Ħafna nies jidħlu f’ekonomija informali minħabba li m’għandhomx l-opportunitajiet li għandhom ħaddiema f’ekonomija formali. Dan iwassal għal sfruttament u abbuż.
Vulnerabbli
Dawk li għandhom il-mezzi, u fl-istess ħin mgħammda bil-Ġustizzja Soċjali huma maħluqa biex jagħtu opportunità u lesti jimpjegawmagħhom persuni vulnerabbli u persuni b’ diżabbiltà magħhom.
Sfortunatament hawn min jippreferi jħallas il-multa u ma jħaddimx it-2% ta’ persuni b’diżabbiltà skont kif titlob il-Liġi. Min jippreferi jħallas il-multa, qed jimxi skont il-Liġi tal-pajjiż imma dawn mhux mgħammda bil-Ġustizzja Soċjali.
Għeluq
Nistiednek għalhekk tibda b’affarijiet żgħar u tagħmel ġest ċkejken ma’ persuna li sfortunatament waqgħet lura fil-ħajja. Dan hu l-ewwel pass għal min jixtieq fil-prattika jwettaq il-Ġustizzja Soċjali.
Ġustizzja Soċjali għandha tiġi prattikata ma’ kull nifs li nieħdu.
Nirrikonoxxu d-diffikultajiet dejjiema f’din il-battalja għall-Ġustizzja Soċjali, madanakollu nħeġġeġ lil kull Malti u Maltija biex ma jitlifx it-tama, bl-għarfien, bid-diskussjonijiet, bil-bidliet żgħar mid-djar tagħna, biex fl-aħħar mill-aħħar inġibu l-Ġustizzja Soċjali fostna.
Il-ġest ċkejken tiegħek jingħaqad ma’ tiegħi u ma’ ta’ oħrajn, biex flimkien inqabbdu fjamma li tiżgura li jiġu indirizzati l-inġustizzji minn dawk li għandhom is-setgħa jagħmlu dan.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 23 ta’ Frar, 2025.
//= $special ?>