minn Bernard Grech
Kap tal-Partit Nazzjonalista
“Irrid ngħix biex nikber ma’ binti. Ma rridx immut. Għandi tifla.”
Dan mhux kliemi, imma huwa kliem tfajla li għandha 22 sena li meta kellha dsatax-il sena – din it-tfajla bl-isem ta’ Kimberley – qabadha kanċer u li għadha tissielet sal-lum minkejja li rnexxielha, wara li qabadha l-kanċer, twelled lil bintha u llum għandha ftit snin.
L-istorja ta’ Kimberley
Kimberley qaltilna li għandha bżonn €50,000 biex tagħmel trattament ta’ kura fil-Ġermanja u kellha ddur fuq in-nies biex tiġbor il-flus. Biex Kimberley tkun tista’ trabbi lil bintha, biex bintha tkun tista’ tgawdi lil ommha.
X’għandha inqas bintha minn bint dak il-kuntrattur li jġegħluh jaqla’ t-triq tliet darbiet għaliex ma kienx hemm ippjanar serju u minflok intefqu €2 miljun, intefqu €6 miljun?
Il-kuntrattur gawda, goodluck to him. Bintu wkoll, good luck to her. Imma t-tifla ta’ Kimberley x’għandha inqas minn dik it-tifla?
Nistgħu niġu hawnhekk nitkellmu; niftaħru fuq ir-riformi. Nistgħu niġu hawnhekk nitkellmu fuq suġġetti astratti, però qegħdin hawnhekk biex nitkellmu fuq ir-realtajiet għaliex mingħajr ġid komuni m’hemmx… il-ġustizzja soċjali. Mingħajr governanza tajba m’hemmx ġustizzja soċjali.
Niġġieldu l-abbużi tal-benefiċċji soċjali
Ħadt pjaċir nisma’ lil min isemmi l-bene fit-trap. Bħal dak li qallu hu ħażin li ma tħalli lil ħadd jabbuża mill-benefiċċji. Tajjeb. Prosit. Però kemm hu iktar ħażin li nivvintaw taparsi benefiċċji lil min mhux veru għandu dritt għall-benefiċċju u dan nagħmluh skema uffiċjali biex inġibu l-voti?
Dik ma saritx; ma sarx eżerċizzju biex ikun hemm tapering jew tneħħija tagħhom, anzi tmexxiet. Kemm hu mhux ġust u mhux korrett li xi ħadd jieħu paga ta’ €70,000 u ma jmurx għax-xogħol?
Good luck to him. Nistgħu ngħidu good luck to her, imma jekk dik il-persuna għandha bint, dik il-bint x’għandha aħjar mit-tifla ta’ Kimberley li ma tistax tgawdi lil ommha jekk tmutilha?
Kif jista’ jkollok ġustizzja soċjali meta omm, missier, jiskopru li binthom ta’ dsatax-il sena li mietet fi traġedja indifnet mingħajr ma libbsuha l-libsa li xtrawlha? Isibuha ġo borża bil-libsa gozz ħdejn saqajha?
Kif jista’ jkollok ġustizzja soċjali meta jinsterqu l-flus mis-saħħa tal-poplu, imbagħad nagħmlu minn kollox biex ma nġibuhomx lura?
Liġijiet tajbin qed jispiċċaw imwarrba
Kif jista’ jkollok ġustizzja soċjali meta jkollok liġijiet importanti x’jistgħu jitmexxew ’il quddiem, bħalma ssemmew il-Private Members’ Bill ta’ Ivan Bartolo għall-opt-out fejn jidħlu l-organi u għal kontra l-ħela tal-ikel u jibqgħu fuq l-ixkaffa għal sena, sentejn?
Imbagħad meta jkun hemm liġijiet li jridu jnaqqsu d-drittijiet taċ-ċittadin u dawk ngħadduhom f’ġimagħtejn. Din hija l-ġustizzja soċjali? Issa warajja se jqum il-Ministru jitkellem. Bla dubju għandek kull dritt.
Bil-ftaħir m’aħniex se nsolvu l-ġustizzja soċjali. Il-ġustizzja soċjali tindirizzaha billi jkollok verament l-ewwel u qabel kollox il-kuxjenza; it-tieni l-libertà li dik il-kuxjenza tpoġġiha fil-prattika; u t-tielet il-kuraġġ li twettaq id-deċiżjonijiet biex it-tifla ta’ Kimberley, jekk alla jrid, bil-flus tal-poplu Malti u Għawdxi kollu li jingħaqad magħha, tkun tista’ tgawdi lil ommha.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 23 ta’ Frar, 2025.
//= $special ?>