Il-PN jitlob diskussjoni dwar is-serqa ta’ 200kg droga; iressaq mozzjoni ta’ sfiduċja f’Byron Camilleri
Byron Camiilleri għandu jġorr ir-responsabbiltà politika.
Imbilli l-Prim Ministru esprima l-fiduċja f’Byron Camilleri u mbilli l-Kabinett esprima l-fiduċja f’Byron Camilleri, ma jfissirx li Byron Camilleri mhux responsabbli ta’ dak li ġara.
Waqt intervent fil-Parlament illum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fakkar kif fl-imgħoddi l-Kabinett Laburista wkoll esprima fiduċja f’Konrad Mizzi u Keith Schembri u llum kulħadd jaf fejn jinsabu dawn it-tnejn.
Bernard Grech fakkar kif fl-istqarrija tiegħu stess Byron Camilleri qal li wara li s-Segretarja Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħu kienet qaltlu li kien hemm problema bi droga li kienet inqabdet u ma kinitx għadha nqerdet, din imbagħad ma kinitx kompliet taġġornah fil-ġimgħat ta’ wara.
Bernard Grech staqsa:
- Meta Byron Camilleri sar jaf b’din il-problema u ra li għaddew ix-xhur u ma ġiex aġġornat, il-Ministru qatt ħass il-bżonn li jingħata aktar informazzjoni? Possibbli l-Ministru fi tmien xhur ma ħassx il-bżonn li jkun aġġornat fuq materja daqstant sensittiva?
- Malli Byron Camilleri sar jaf b’din is-serqa x’passi ħa u għaliex ilbieraħ ma kienx il-Parlament? Għaliex minn nhar il-Ħadd sal-lum il-Ministru ma ħassx il-bżonn li jindirizza konferenza tal-aħbarijiet biex iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti?
- Ladarba Byron Camilleri hu responsabbli għal:
- ID Cards foloz u indirizzi misruqa
- Marokkini maħruba minn fuq ajruplan
- Nuqqasijiet tal-Kummissarju li jinvestiga:
Il-każ Pilatus
Is-serqa tal-Vitals
Frodi tal-benefiċċji soċjali
Liċenzji tas-sewqan għall-voti
Korruzzjoni fiċ-ċitazzjonijiet tal-LESA
Rekord ta’ għases magħluqa
Korp tal-Pulizija bla riżorsi
Estensjoni tal-kuntratt ta’ Angelo Gafà - Tortura, siġġu tal-kastig u 14-il mewt fil-Ħabs li qanqlu kundanna mill-Ombudsman
- U issa, 200kg droga misruqa
…xi jrid jagħmel aktar il-Ministru tas-Sigurtà ta’ pajjiżna biex jerfa’ r-repsonsabbiltà politika?
Jekk il-Prim Ministru fuq serqa ta’ 200kg droga mingħand il-Forzi Armati jaħseb li ħadd m’għandu jġorr respnsabbiltà għadu ma fehemx is-serjetà ta’ dak li ġara.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li diversi membri tal-Gvern esprimew l-iskumdità tagħhom għall-fatt li Robert Abela ma neħħiex lil Byron Camilleri wara dan l-aħħar skandlu.
Meta f’pajjiż tinsteraq droga mgħassa mill-forzi tas-sigurtà ta’ pajjiżna, ma jistax ikun li kollox business as usual.
Bernard Grech qal li l-poplu jistenna l-investigazzjonijiet. Il-poplu jistenna li jitressqu dawk responsabbli. Imma jistenna wkoll li dawn l-affarijiet ma jerġgħux jiġru f’pajjiżna. U biex dawn l-affarijiet ma jiqbgħux jiġru, u biex ma ssirx aktar ħsara lis-sigurtà tal-Maltin, Byron Camilleri għandu jwarrab.
Fl-aħħar tas-seduta tal-lum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni fejn talab li għada tkun diskussa l-Istqarrija Ministerjali dwar is-serqa ta’ 200kg droga kif ukoll mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Byron Camilleri.
//= $special ?>