Lokali Qorti

IL-ĠURI TAN-NEMES: Id-difiża tgħid li l-akkużati qatt ma kellhom l-intenzjoni li joqtlu

L-avukati difensuri fil-ġuri għall-qtil ta’ żewġt irġiel insistew li l-akkużat qatt ma kellhom l-intenzjoni li joqtlu lil ħadd u kienu qegħdin iġorru s-skieken biex jiddefendu lilhom infurshom. Kurt Grech ta’ 31 sena u missieru Joseph ta’ 61 sena, it-tnejn mill-Pietà, qed iwieġbu mhux ħatja ta’ daqqiet ta’ sikkina fatali li wasslu biex jinqatel Brandon Pace ta’ 21 sena fit-2 ta’ April 2017 fi Triq Giovanni Barbara, il-Ħamrun.

Huma qed iwieġbu mhux ħatja ta’ omiċidju volontarju, pussess illegali ta’ skieken, il-ksur tal-ordni pubbliku u theddid fil-konfront ta’ omm il-vittma, Lisa Pace, u s-sieħba Jessica Bilocca. Bilocca kellha wild minn Kurt Grech u li kienet is-sieħba tal-vittma.

Kurt Grech waħdu qed jiġi mixli li weġġa’ gravi lil Bilocca permezz ta’ sikkina. Il-missier jinsab mixli wkoll li waqt il-ġlieda hedded lil oħt il-vittma, Donna Pace, b’sikkina. L-Avukat Edward Gatt, wieħed mill-avukati difensuri qal li meta Kurt Grech ħa żewġ skieken mid-dar tiegħu qabel telaq lejn il-Ħamrun, għamel hekk għax kien jaf li Pace kien perikoluż. Kurt Grech mar il-Ħamrun biex iħares il-benessri ta’ ibnu ż-żgħir.

Id-difiża talbet lill-ġurati biex iwarrbu kull preġudizzju li jista’ jkollhom u jpoġġu lilhom infushom f’dik li ddeskriviet bħala “sitwazzjoni traġika”, li sabu ruħhom fiha l-akkużati. L-avukat Gatt talab lill-ġurati jikkunsidraw ukoll, li uħud mix-xhieda tal-prosekuzzjoni ma kienux konsistenti, b’bosta minnhom ftakkru aktar dettalji, aktar minn seba’ snin wara il-qtil.

Fakkar ukoll, li fix-xhieda tiegħu, l-Assistent Kummissarju Arnaud rrimarka li kien incert kemm il-missier Joseph Grech kien involut fl-argument. L-avukat difensur sostna li meta Arnaud kien wasal fi tmiem l-interrogazzjoni ma’ Kurt Grech, qallu li ma tantx kien fadal wisq xi jsaqsih għaliex “l-affarijiet kif kien qalhom, ikkollaboraw l-evidenza li sabet l-pulizija”.

L-Avukat Gatt fakkar ukoll lill-ġurati, li l-Avukat Ġenerali spjega li l-prosekuzzjoni m’għandix għalfejn tiprova l-mottiv, iżda jeħtieġ tiprova l-intenzjoni. Tenna wkoll li Kurt Grech mar iġib is-skieken mir-residenza tiegħu qabel mar ħdejn id-dar ta’ Pace, għaliex kien konxju li l-vittma u omm ibnu “jaslu” u qalgħu l-inkwiet bosta drabi qabel dakinhar.

Sostna wkoll li dan kollu seħħ waqt li Grech kien qed jiprova jibni rapport ma’ ibnu, li kien qed jgħix f’ambjent mhux adegwat u espost għal affarijiet illeċiti. Dan kollu ħareġ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li qed tippresedi l-ġuri li t-Tlieta daħal fis-seba’ jum tiegħu l-ġuri dwar il-qtil ta’ Brandon Pace magħruf bħala “Galalli”.

Pace kien inqatel b’ħames daqqiet ta’ sikkina fatali mis-16-il daqqa li huwa qala’biż-żewġ akkużati f’dan il-ġuri huma magħrufa bħala “in-Nemes”. Il-qtil seħħ wara argument li nqala’ bejn Kurt Grech u l-eks tfajla tiegħu Jessica Bilocca dwar binhom li dak iż-żmien kellu sitt snin. Fiż-żmien tad-delitt Bilocca kienet f’relazzjoni ma’ Pace.

B’kollox, l-irġiel qed jaffaċjaw seba’ kapi ta’ akkużi. Wara li l-prosekuzzjoni għalqet il-provi tagħha, it-Tlieta kien imiss lid-difiża li tibda tressaq il-provi, hekk kif din il-ġimgħa l-ġuri mistenni jiġi fi tmiemu. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali’ Għall-akkużati qed jidhru l-Avukati Roberto Montalto, Edward Gatt u Kathleen Grima waqt li l-Avukati Rachel Tua u Ishmael Psaila qed jidhru għall-familja tal-vittma.