Lokali

Il-Ministru Chris Bonett jgħid li “bl-istorbju tal-korruzzjoni” il-poplu sejjer tajjeb

Wara li numru ta’ studji żvelaw kif il-poplu Malti u Għawdxi mhumiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja kif ukoll li huwa nkwetat dwar il-livell ta’ korruzzjoni fil-pajjiż il-Ministru Chris Bonett ftaħar li l-poplu sejjer tajjeb.

Dan qalu waqt il-programm Vi jew Va li jixxandar fuq l-istazzjon tar-radju tal-PBS – diskussjoni fejn matulha l-Ministru Chris Bonett qal li b’dawn l-allegazzjonijiet kollha tal-korruzzjoni l-poplu sejjer tajjeb.

Diversi surveys urew kif xahar wara l-ieħor eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-piż tal-għoli tal-ħajja tant li l-paga lanqas biss qed isservihom sal-aħħar tax-xahar bil-konsegwenza li qed ikollhom jibqgħu neqsin mill-affarijiet essenzjali.

F’din id-diskussjoni kien hemm preżenti x-Shadow Minister tal-Ġustizzja Karol Aquilina illi sostna li fl-aħħar snin il-kwalità tal-ħajja tal-poplu marret lura, bil-bini tiela’ ma kullimkien u traffiku f’kull ħin tal-ġurnata. Huwa saħaq li Gvern ġdid Nazzjonalista se jaħdem sabiex pajjiżna jmur lura għan-normal; b’ekonomija bbażata fuq il-kwalità.

Minn naħa tiegħu l-Ministru Chris Bonett, spiċċa kellu jammetti li terz tal-poplu jiddependi fuq is-servizzi soċjali – turija ċara li hawn numru kbir ta’ familji li qed jaffaċċjaw il-faqar jew li qed iġorru piżijiet varji.

Intant, matul l-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista ħareġ b’numru ta’ proposti sabiex tiġi ndirizzata l-pjaga tal-għoli tal-ħajja fost l-oħrajn li l-COLA ma tiġix intaxxata, li jkun hemm Fond Nazzjonali li jgħin lil min jimporta u jesporta u li jkollna ekonomija bbażata fuq il-kwalità b’setturi ekonomiċi ġodda u jobs b’pagi aħjar.