Lokali Parlament

Bernard Grech: Robert Abela jibqa’ jappoġġja lil Byron Camilleri u sieket dwar 200 kilo droga li tinsab fis-soċjetà

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal fil-parlament li l-Prim Ministru qed jibqa’ jappoġġja lil Byron Camilleri iżda jinsab sieket dwar 200 kilo droga li tinsab fis-soċjetà wara li kienet misruqa mill-Forzi Armati Maltin.

Din id-dikjarazzjoni l-Kap tal-Oppożizzjoni għamilha meta kien qed jitkellem fil-parlament fis-seduta li fiha l-Prim Ministru Robert Abela kompla jagħmel l-istqarrija ministerjali tiegħu dwar is-serqa ta’ 200 kilo droga li ġrat fil-FAM nhar is-Sibt li għadda.

Fil-bidu tas-seduta l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li s-seduta tat-Tlieta m’għamlet l-ebda ġieħ lill-parlament u ddeplora lill-membri li wasslu biex inħoloq diżgwid tant li l-Kamra kellha tkun sospiża ħames darbiet. Hu rrifera għar-ruling fis-seduta tal-bieraħ li fih qal li l-Prim Ministru l-Kap tal-Oppożizzjoni kellhom jirtiraw xi kliem li intqal.

Is-Sedja nnotat li l-Prim Ministru kien irtira d-diskors tiegħu fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Alex Borg. Hu qal li s-Sedja semgħet lil Bernard Grech li qal li kien se jżomm mal-kliem li qal għaliex il-qorti ddikjarat li persuni fil-gvern kienu kompliċi ma’ dawk li serqu lill-poplu Malti.

L-Ispeaker sostna li kien qed jiċċensura dan il-kliem li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u appella lid-deputati kollha biex jirrispettaw ir-regoli tal-parlament.

Meta kompla bl-istqarrija tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela qal li l-gvern hu serju u qed jitwettqu tliet investigazzonijiet fosthom l-inkjesta amministrattiva. Il-pulizija arrestat numru ta’ persuni u kienet irkuprata ammont tad-droga misruqa, sostna l-Prim Ministru, li kompla li l-każ qajjem interess pubbliku għax ħasad lill-poplu. Hu qal li lill-pulizija qallhom li b’mod immedjat li ried ir-riżultati u sostna li l-Kummissarju tal-Pulizija kellu suċċess fl-investigazzjoni li daħal fiha.

Fuq point of order, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Prim Ministru qal li kien hemm min mar jirredikola lill-Kummissarju tal-Pulizija u kien qed jirreferi għall-ġurnalisti. Dan hu attakk fuq il-ġurnalisti, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li qal li jekk għandu jsir dibatttu allura jsir dibattitu iżda s’issa l-Prim Ministru attakka lill-PN u lill-ġurnalisti.

Meta kompla, l-Prim Ministru akkuża lill-Oppożizzjoni li huma sħab il-kriminali u sostna li l-Oppożizzjoni għandha tirtira d-diskors li hu (l-Prim Ministru) hu sħab tal-kriminali. Il-Prim Ministru qal li d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina għandu jirtira dan il-kliem jew jissostanzjah.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li din kellha tkun stqarrija ministerjali mingħajr attakki.

Il-Prim Ministru reġa’ rringrazzja lill-Kummissarju tal-Pulizija għas-suċċess li kellhom u rrifera għad-dikjarazzjoni tal-Avukat Ġenerali fil-każ ta’ Queiroz.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ fakkar lill-Ispeaker li din kellha tkun stqarrija ministerjali u mhux dibattitu; jekk irid dibattitu l-Oppożizzjoni lesta għal dibattitu. Hu appella lill-Ispeaker biex ma jħallix lill-Prim Ministru jitkellem fuq affarijiet li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-każ tas-serqa ta’ droga mill-AFM.

Il-Prim Ministru qal li l-Ministru Byron Camilleri dejjem wera integrità kbira u rettezza mill-ikbar. Kien għalhekk li hu u l-Kabinett espriema l-fiduċja fih, sostna l-Prim Ministru, li semma’ wkoll l-investiment li wettaq fil-Pulizija li skont il-Prim Ministru qed jagħti riżultati.

Fuq point of order, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-Ispeaker kien għamilha ċara li l-istqarrija ministerjali kellha tkun fuq is-suġġett u kellu jkun hemm kawtela iżda l-Prim Ministru m’għamel xejn minn dan.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech espriema d-diżappunt tiegħu li l-Ispeaker mhux qiegħed jimxi mal-istess ruling li ta lbieraħ dwar l-istqarrija parlamentari tant li l-Prim Ministru għamel dibattitu għax hu Prim Ministru dgħajjef u dahru mal-ħajt.

Hu qal li l-aktar inkwetanti hu li 60 siegħa ilu insterqu 200 kilogramma droga li suppst kienet qed tinżamm f’post sigur fil-kwartier tal-FAM li hi responsabbiltà ta’ Byron Camilleri.

Imbilli l-Prim Ministru u l-Kabinet jesprimu l-fiduċja f’Byron Camilleri, hu jibqa’ responsabbli għal din is-serqa. Byron Camilleri għandu jwieġeb lill-poplu Malti u sparixxa meta nsteqet din id-droga. Issa l-Prim Ministru ammetta li din kienet xi ħaġa serja iżda ħadd mhu responsabbli ta’ xejn.

Il-fiduċja tal-kabinet seħħet ukoll dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi, sostna Bernard Grech, li kompla li l-poplu għandu jkun inkwetat kif 200 kilogramm nsterqu bla ma jaf kif u x’ħin jew fejn marru. Hu tajjeb li l-pulizija għamlu l-arresti iżda l-pulizija għandha tagħmel xogħlha dejjem u meta jiddeċiedi li jsiru l-investigazzjonjiet u l-arresti, sostna Bernard Grech, li staqsa numru ta’ mistoqsijiet.

Jekk il-Ministru Camilleri hu responsabbli meta f’Ġunju sar jaf b’din il-problema ta’ tilwima industrijali iżda ma kienx informat, il-ministru qatt ħass il-bżonn li jingħata iktar informazzjoni?

Malli Byron Camilleri sar jaf bis-serqa, x’passi ħa immedjati u għaliex ilbieraħ ma marx fil-parlament jew jindirizza konferenza tal-aħbarijiet?

Meta Byron Camilleri li hu responsabbli għall-ID cards foloz, għall-Marokkini maħruba, il-frodi fil-liċenzji tas-sewqan, il-korruzzjoni fil-LESA, ir-rekord ta’ għases magħluqa, il-Korp Pulizija bla riżorsi, it-tortura, s-siġġu tal-kastig u l-14-il mewta fil-Ħabs u l-kundanna mill-Ombudsman dwar il-ħabs taħt Alex Dalli; x’irid jiġri iktar biex il-Ministru tas-sigurtà jerfa’ r-responsabbiltà? Jekk għall-Prim Ministru ħadd m’għandu jerfa’ r-responsabbiltà allura l-Prim Ministru ma fehemx kemm din hi gravi, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li hemm fil-gvern min hu skomdu dwar din is-sitwazzjoni.

Din is-sitwazzjoni mhijiex normali, sostna Bernard Grech, li kompla li l-poplu qed jistenna li ssir ġustizzja iżda qed jistenna wkoll li biex dawn l-affarijiet ma jkomplux ikunu ripetuti, il-Ministru Byron Camilleri jirriżenja.

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott sellem lis-suldati li minħabba l-inkomptenza tal-Gvern qed jipprova jirredikola l-uniformi tal-pajjż. Hu qal li tant hu gravi dan il-każ li l-istess ministru ried jirriżenja iżda l-Prim Ministru qed jibqa’ jwebbes rasu. 20 ġurnata ilu, l-Oppożizzjoni resssqet mozzjoni ta’ sfiduċja f’Byron Camilleri dwar il-ħabs, sostna d-deputat Nazzjonalista, li fakkar kif għad hawn żewġ Marokkini maħruba u ħadd ma jaf fejn jinsabu. Dan filwaqt li l-Kummissarju tal-Pulizija baqa’ ma investiga l-ebda każ ta’ korruzzjoni.

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li fil-każ li ġara kien involuta ammont sostanzjali ta’ droga, li kienu provi fi proċeduri fil-qorti u li nsterqu mill-FAM. Hu kompla li dan il-każ jolqot is-sigurtà nazzjonali, id-droga fil-pajjiż u l-pulizija. X’konfort ta l-Prim Ministru dwar il-ġustizzja jekk issa lanqas dak li jikkostitiwixxi prova fil-qorti mhu sigur? X’konfort ta l-Prim Ministru dwar is-sigurtà nazzjonali, lill-ġenituri u liż-żgħażagħ billi jgħid li l-pulizija qed tagħmel xogħlha? Hu qal li l-Prim Ministru għandu jgħid min se jġorr ir-responsabbiltà politika jekk il-parlament lanqas biss iddibatta dan il-każ.

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li hemm ministru ieħor li għandu responsabbiltà; li hu l-Ministru tal-Ġustizzja għaliex il-Ministru Camilleri qal li dawn il-200 kilo droga kienu fuq insistenza tal-qorti qed jinżammu mill-FAM. X’azzjoni ħa l-Prim Ministru fil-konfront tal-Ministru tal-Ġustizzja u tal-Aġenzija tal-Qorti? Dan għall-fatt li l-Aġenzija tal-Qorti fdat din il-prova f’idejn l-FAM f’każ ta’ traffikar ta’ droga, sostna Karol Aquilina.

Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo qal s-suldati jinsabu rrabbjati għax ittappnet ir-reputazzjoni tagħhom u staqsa kif jista’ jkun li l-FAM jkollha r-reputazzjoni restawrata wara dan il-każ.

Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet li l-gvern falla fejn tidħol is-sigurtà tal-pajjiż u sostna li Byron Camilleri issa hu l-Ministru tal-Insigurtà Nazzjonali. X’se jkun qed jagħmel il-Prim Ministru biex dan il-pajjiż ikun sigur? X’se jsir biex iż-żgħażagħ ma jkunux abbużati mill-barunijiet tad-droga? X’garanziji se jingħataw li l-flus tal-poplu li se jkunu investiti fis-sigurtà mhux se jispiċċaw għand il-kriminali.

Id-Deputat Nazzjonalista Ian Vassallo qal li din id-droga se tispiċċa fit-toroq Maltin u staqsa x’qed isir biex ikun assigurat li din id-droga ma tispiċċax għand iż-żgħażagħ Maltin. Dan anki fil-kuntest tas-saħħa mentali tal-persuni fil-bżonn tas-saħħa mentali. Hu appella biex isiru l-miżuri meħtieġa quddiem il-festi li ġejjin.

Id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li s-serqa tad-droga esponiet dgħjufija fis-sigurtà tal-pajjiż li hi allarmanti għaliex sar ksur fi kwartier tal-FAM; dan hu allarm kbir li jesponi d-dgħjufija fis-sigurtà tal-pajjiż. Mhux biss xi ħadd daħal u għabba madwar 200 pakkett ta’ droga iżda fetaħ il-container u telaq bid-droga minn hemm. Hu qal li l-Prim Ministru ma qalx meta nsterqet id-droga iżda hu stabbilit biss meta l-FAM indunaw bis-serqa. Kif jista’ l-Prim Ministru jassigura s-sigurtà tal-ajruport, tal-fruntieri, tat-toroq u tal-pajjiż.

Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li fil-pajjiż hawn pjaga enormi tad-droga u din issa qed issib l-injezzjoni ta’ 200 kilo droga; il-pajjiż hu mifqugħ bid-droga. Hi staqsiet; x’se jgħid il-Prim Ministru lill-familji tal-vittmi, lill-professjonisti u lill-għaqdiet li jaħdmu fis-settur.

Id-Deputat Nazzjonalista Charles Azzopardi qal li ċ-ċirkostanza tal-pajjiż hi iktar inkwetanti għaliex issa hawn il-biża li m’hawnx ħarsien tas-sigurtà nazzjonali. It-talba ta’ riżenzja tal-Ministru Camilleri turi li dan mhuwiex komdu li jkompli bl-impenn politiku tant li talab li jirriżenja. X’sigurtà fadallu l-pajjiż meta nsterqu 200 kilo droga mill-FAM?

Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea qalet li issa hawn ċirkolazzjoni ikbar ta’ droga wara din is-serqa. Kif il-gvern se jkun ta’ iktar appoġġ lejn il-vitmti u lejn l-għaqdiet li jaħdmu f’dan is-settur?

Id-Deputat Nazzjonalista Alex Borg qal li quddiem dan il-każ, il-Prim Ministru imur il-parlament u b’mod partiġġjan jattakka lill-Oppożizzjoni bla ma jkun hemm soluzzjoni quddiem Korp tal-Pulizija li qed jiddekadi kontinwament. Din is-serqa turi d-domanda kbira għad-droga fil-pajjiż iżda l-gvern jibqa’ jiċħad. L-Iskwarda Kontra d-Drogi f’Malta hi magħmula minn 20 persuna biss waqt li f’Għawdex m’hemmx Skwadra Kontra t-Traffikar tad-Droga.

Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ qalet li l-barunijiet tad-droga qed isiru iktar sinjuri minn fuq il-vittmi tad-droga. Hi rriferiet għall-Eurobarometer li wera li 37% għandhom il-ħsieb li l-użu tad-droga hi problema kbira. Hi qalet li hemm problema ta’ tfal u żgħażagħ li huma involuti fit-traffikar u staqsiet x’se jagħmel il-Prim Ministru quddiem din is-sitwazzjoni.

Id-Deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia qal li 200 kilo droga kienet misruqa minn post sigur u issa tinsab lura għand il-kriminal biex tkompli tkisser il-familji. Dan kien falliment ieħor ta’ gvern fejn l-establishment u l-klikka żgħira fi ħdan il-PL li se tibqa’ tattakka lill-PN flok taħdem għall-ġid komuni. Hu fakkar li s-sena li għaddiet l-EPP kien insista li l-UE għandhom iżidu l-investiment fid-difiża iżda l-klikka Laburista attakka lill-PN u lill-President Roberta Metsola. Ftit żmien ilu l-istess Prim Ministru ddikjara li jrid irid id-difiża. Il-Prim Ministru jista’ jikkonferma jekk hux se jżid l-investiment fil-FAM u fid-difiża?

Id-Deputat Nazzjonalista Eve Borg Bonello semmiet l-iskandli li seħħu taħt Byron Camilleri u staqsiet x’inhu l-abbiss li l-pajjiż irid jinel fih qabel il-Prim Ministru jaċetta riżenja.

Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg staqsiet kemm il-Prim Ministru hu inkwetat bid-droga li hemm fit-toroq għaliex jekk il-Prim Ministru hu nkwetat, kif ħadd ma refa’ din ir-responsabbiltà.

Id-Deputat Nazzjonalista David Agius staqsa x’qed jagħmel il-gvern biex ikun hawn post sigur fejn jinżammu ċertu affarijiet marbuta mal-qrati u proċessi biex ma jerġax iseħħ dak li seħħ. Hu staqsa jekk kienx hemm nuqqas meta s-Segretarju Permamenti ma nfurmatx lill-Minisru tal-Intern b’dak li kien għaddej dwar il-każ.

Id-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit qal li l-Brigadier tal-FAM kien sospiż iżda ma ntużatx l-istess riga mal-Ministru Camilleri.

Meta wieġeb, il-Prim Ministru qal biss li l-Maġistrat kien diġà ordna d-distruzzjoni tad-droga u ddefenda lil Byron Camilleri anki dwar il-każ tal-ID Cards.

Fuq point of order, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina informa lill-Ispeaker li fl-istangers gallery daħlu l-membri tas-sigurtà personali tal-Prim Ministru li huma pulizija u daħlu wkoll membri tas-Servizz tas-Sigurtà. Dan hu att ta’ intimidazzjoni fil-konfront tad-deputati għaleix ma jistgħux jidħlu fis-sala tal-parlament. Hu appella biex jittieħdu l-passi neċessarji biex dawn il-persuni ma jerġgħux jidħlu fil-parlament.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li kien ħa l-passi meħtieġa dwar dan il-każ.

Il-Prim Ministru kompla li l-akkużi fuq l-ID Cards hi gidba meta mill-inkjesta li saret mill-pulizija kien hemm ħames ID Cards falsifikati.

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott wieġeb li l-Prim Ministru mhux qed jgħid il-verità għaliex hemm ammonti kbar ta’ persuni li qed jirċievu korrispondenza fuq persuni li ma jgħixux f’dawk ir-residenzi.

Il-Prim Ministru qal li għandu fiduċja sħiħa f’Byron Camilleri u temm id-diskors tiegħu bla ma wieġeb xejn mill-mistoqsijiet tad-deputati Nazzjonalisti u anki Laburisti li saru.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech insista li l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet kollha li għamlulu d-deputati Nazzjonalisti u anki Laburisti. Dan ifisser li l-Prim Ministru mhux lest iwieġeb u talab li l-parlament jaġġorna għal għada l-Erbgħa biex jiddiskuti l-istqarrija ministerjali tal-Prim Ministru u l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar sfiduċja fil-Ministru Byron Camilleri. Hu qal li l-parlament għandu jitmexxa b’mod aħjar u espriema solidarjetà mal-poplu Malti li jinsab imneżża’ minn demokrazija parlamentari.

Dwar din it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Ispeaker ta’ ruling li fih l-Ispeaker qal li l-istqarrija ministejali tal-Prim Ministru saret u saru anki l-mistqosijiet. L-Ispeaker ma laqax it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.