Ir-recital ta’ Petite Messe Solennelle ta’ Rossini takkumpanja ġimgħa ta’ prestazzjonijiet li jiċċelebraw ix-xogħol tal-kompożitur Taljan.
It-Teatru Manoel qiegħed jippreżenta żewġ recitals mużikali bħala parti mir-Rossini Week li se jkunu qegħdin jiċċelebraw ix-xogħol tal-kompożitur Taljan Gioachino Rossini. Rossini Week fit-Teatru Manoel se tittella’ mid-9 sal-15 ta’ Marzu, u tinkludi erba’ prestazzjonijiet tal-opra Il Barbiere di Siviglia, kif ukoll recitals ta’ Sins of Old Age, li se ssir it-Tnejn, 10 ta’ Marzu, u Petite Messe Solennelle, li se ssir il-Ġimgħa, 14 ta’ Marzu.
Petite Messe Solennelle hija waħda mix-xogħlijiet aħħarin ta’ Rossini, u se tittella’ bis-sehem tas-sopran Gillian Zammit, il-mezzo sopran Claire Massa, it-tenur Eduardo Hurtado Rampoldi, il-baxx Louis Cassar, u n-New Choral Singers. Dawn se jkunu akkumpanjati minn Joanne Camilleri fuq l-armonju u l-Mro. Michael Laus fuq il-pjanu. Mro. Laus se jkun qiegħed ukoll jidderieġi l-kunċert. Petite Messe Solennelle ta’ Rossini kienet oriġinarjament ikkomponuta għal kompożizzjoni mhux tas-soltu magħmula minn 12-il vuċi, żewġ pjanijiet, u armonju. Din il-Quddiesa nkitbet fl-1863, ’l fuq minn 30 sena wara l-irtirar ta’ Rossini mill-kompożizzjoni tal-opri, u meta kien naqqas il-volum tal-kompożizzjonijiet tiegħu b’mod wiesa’. Rossini ddeskriva dan ix-xogħol bħala l-aħħar dnub ta’ xjuħitu. Għad li kien imrobbi bħala Kattoliku, Rossini ma kienx partikolarment magħruf għat-twemmin reliġjuż tiegħu. Madankollu, it-tentattivi sabiex jadatta l-istil operistiku tiegħu, li hu instintivament leġġer, bħala mezz ta’ espressjoni iktar profonda huma notevoli kemm fl-iStabat Mater tiegħu tal-1841, kif ukoll fil-Petite Messe Solennelle tal-1863. Din ir-recital se tittella’ l-Ġimgħa, l-14 ta’ Marzu fis-19:30 fit-teatru prinċipali tat-Teatru Manoel.
Iktar kmieni f’din il-ġimgħa, fl-10 ta’ Marzu, selezzjoni tal-veri “péchés de vieillesse” – Sins of Old Age – se tittella’ f’Sala Isouard tat-Teatru Manoel, u tibda fis-19:30. Meta kien jgħix Pariġi fl-1855, Rossini sar magħruf għal-laqgħat mużikali tiegħu ta’ nhar ta’ Sibt, u li kienu regolarment jattendu għalihom mużiċisti u nies puliti mill-qasam tal-arti u l-moda ta’ Pariġi. Kien għal dawn li kiteb l-biċċiet divertenti Péchés de vieillesse. Selezzjoni minn din il-kollezzjoni tal-kompużitur, magħmula minn 150 biċċa vokali, chamber u għall-pjanu waħdu, se tittella’ mis-sopran Andriana Yordanova u l-pjanista Caroline Calleja.
Il-biljetti għall-avvenimenti kollha li se jittellgħu matul Rossini Week, inkluż l-opra Il Barbiere di Siviglia, jistgħu jinxtraw online minn fuq is-sit: https://teatrumanoel.mt/ jew billi ċċempel il-Box Office tat-Teatru Manoel fuq in-numru: 21246389. Dawk interessati jistgħu jżuru wkoll il-Box Office tat-Teatru Manoel fi Triq it-Teatru l-Antik, il-Belt Valletta.
//= $special ?>