Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu qed jinsisti għal proċess sħiħ ta’ demilitarizzazzjoni fin-Nofsinar tas-Sirja – biċ-ċirkustanzi kapaċi jwasslu għal konflitt bejn l-Iżraeljani u t-Tmexxija ġdida li ħadet ir-riedni f’Damasku wara t-tkeċċija tal-eksdittatur Sirjan Bashar al-Assad.
Netanyahu hu determinat biex il-qawwiet tal-grupp Iżlamiku Hayat Tahrir al-Sham (HTS) ma jidħlux qalb iz-zoni lejn in-naħa t’isfel ta’ Damasku.
Il-grupp HTS kien strumentali fil-moviment armat li, is-sena l-oħra, ikkaġuna l-kroll tar-reġim ta’ Assad. Intant, l-Iżraeljani anki qed jopponu l-preżenza tal-Armata Sirjana ġdida (li għadha fi stadju ta’ żvilupp) qalb iz-zoni Sirjani tan-Nofsinar.
Netanyahu qal li bl-ebda mod mhu se jittollera li l-qawwiet ‘tar-reġim ġdid Sirjan’ jokkupaw il-provinċji ta’ Quneitra, Deraa u Suweida.
Iżrael lanqas mhu se jittollera xi theddid għall-komunità tad-Drużi fin-naħa t’isfel tas-Sirja; b’Netanyahu jikkonferma wkoll li l-qawwiet Iżraeljani se jibqgħu għal żmien indefinittiv fit-territorju Sirjan li huma kienu ħatfu minn Diċembru – u fiż-żmien meta Assad kien ħarab minn pajjiżu.
Din id-dikjarazzjoni ta’ Netanyahu timmarka bidla notevoli fl-istrateġija ta’Iżrael peress li l-Iżraeljani, qabel, kienu fissru l-preżenza tas-suldati tagħhom fil-buffer zone demilitarizzat fl-Għoljiet tal-Golan bħala miżura temporanja li kellha taċċerta s-sigurtà tal-Iżraeljani fuq in-naħa l-oħra taz-zona.
Il-buffer zone hu sorveljat min-Nazzjonijiet Uniti waqt li Iżrael ilu jikkontrolla parti kbira tal-Golan mindu rebaħ il-Gwerra tal-1967 fil-Lvant Nofsani – bl-okkupazzjoni tibqa’ effettiva sallum.
//= $special ?>