Akkużat li naqas li jiddikjara spiża ta’ proprjetà fix-Xewkija fid-dikjarazzjoni tal-assi, Abela ma jġibx prova waħda li l-akkużi huma foloz
Hemm liġi għall-allat u liġi għall-poplu. Ma’ kull ġurnata li tgħaddi Robert Abela jfakkarna lkoll li għalih u għal ta’ madwaru hemm liġi differenti.
Fl-aħħar ġimgħat il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ġie mitlub jinvestiga għalfejn il-Prim Ministru ta’ Malta ma inkludiex fid-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu tal-2022 spiża marbuta ma’ proprjetà li xtara fix-Xewkija Għawdex.
Hu mifhum li din l-art swiet €180,000. Imma n-nefqa ma dehret imkien fid-dikjarazzjoni tal-assi ta’ Robert Abela għas-sena li fiha nxtrat. Mhux talli hekk imma talli fid-dikjarazzjoni tal-assi għal dik is-sena, kien hemm irrappurtat li l-assi tal-Prim Ministru żdiedu bi ftit fuq l-2021 minkejja li ma kien hemm l-ebda dħul żejjed iddikjarat.
Mitlub jinvestiga dan kollu, il-Kummissarju Għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, bħalma jagħmel dejjem, talab spjegazzjoni mingħand il-Prim Ministru dwar dan.
Imma minflok Robert Abela ħa l-okkażjoni biex inaddaf ismu minn din l-akkuża, lill-Kummissarju għall-Istandards ġibidlu l-attenzjoni li messu qagħad attent għax it-talba għall-investigazzjoni kienet daħlet tard wisq u għaldaqstant f’għajnejn il-liġi mhijiex valida. Abela għamel użu mill-preskrizzjoni biex jevita investigazzjoni dwar dan – ammissjoni ċara ta’ ħtija mill-Prim Ministru li staħba wara teknikalità biex jiskolpa ruħu u jevita t-trasparenza f’dan il-każ.
Il-Kummissarju ma kellux triq oħra ħlief li jiddeċiedi li l-ilment li tressaq huwa preskritt imma għamel ċar it-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-klawsola fil-liġi dwar l-preskrizzjoni waqqfitu milli jkompli jinvestiga ksur ta’ etika f’dan il-każ. Għamilha ċara wkoll fil-konklużjonijiet tiegħu li d-deċiżjoni hi li mhux se ssir investigazzjoni ulterjuri, u mhix deċiżjoni dwar l-eżitu ta’ xi investigazzjoni.
Robert Abela ma jista’ qatt iżomm lil xi wieħed mill-Ministri tiegħu jew lil dawk ta’ madwaru accountable meta jiżbaljaw, għax jaf li hu għandu ħafna x’jaħbi.
Wieħed irid ifakkar ukoll li Abela għadu sa issa qed jirrifjuta wkoll li jippubblika d-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministru u s-Segretarji Parlamentari tiegħu għall-2023. Dan minkejja t-twissija tal-istess Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li appellalu biex jippubblikahom f’ittra li bagħatlu fl-aħħar ta’ Jannar.
Waqt li l-ħaddiemu l-familji mistennija jiddikjaraw kull ċenteżmu u jħallsu t-taxxa fuq kull ewro li jaqilqgħu, Robert Abela u sħabu huma untouchable.
Mhux ta’ b’xejn li Abela ma jistax jaċċetta r-riżenja ta’ Byron Camilleri.
//= $special ?>