mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Wara tmenin sena minn meta seħħet laqgħa importanti f’din l-belt mill-isbaħ, tajjeb li wieħed jifhem u forsi jirrifletti. Art li llum għaddejja minn ħafna inkwiet u instabbiltà. Forsi f’dan nistgħu nħarsu lura lejn dak li seħħ bejn l-4 u l-11 ta’ Frar 1945 meta ltaqgħu finalment t-tliet mexxejja li kellhom f’idhom il-gwerra kontra n-nażi-faxxiżmu.
Persuni kbar li għarfu jmexxu popli fi ġlieda xejn faċli, Josef Stalin (1878-1953) għall-Unjoni Sovjetika, Winston Churchill (1874-1965) għar-Renju Unit u Franklin Delano Roosevelt (1882-1945) għall-Istati Uniti tal-Amerika. Hemm ġew f’daqqa biex jiddiskutu diversi punti fi gwerra li kienet qed tersaq lejn tmiemha. Għal uħud kien il-mument biex tiġbor flimkien u tipprova ssolvi kwistjonijiet ta’ politika futura f’punti komuni u f’kif tipprova ġġib alleanza militari trasformata f’waħda politika u ekonomika bejn dawn it-tliet stati.
Riedu dinja fejn il-paċi tikber, fejn tikber l-abbundanza ekonomika u tispiċċa l-iskarsita, u fejn tinbena struttura ġdida fin-Nazzjonjiet Magħquda u li din tikkonsolida l-poter veru f’idejhom f’Kunsill ta’ Sigurtà viġilanti.
Mument partikolari
Kien fil-fatt mument determinanti fl-istorja tat-Tieni Gwerra Dinija. Pass ukoll neċessarju billi l-alleati ma setgħux iħallu t-truf mhux migbura f’direzzjonijiet, ideat politiċi u li fiha ma jkunx hemm linja li taqbad futur komuni u stabbilit.
Kien ukoll imma aktar partikolari billi f’dak il-ħin l-Armata Russa kienet f’vantaġġ kbir fuq x-xenarju militari. Waqt li ġew f’daqqa dawn il-mexxejja, ir-Russi kienu avvanzaw sew lejn Berlin, qerdu fi triqithom ħamsa u erbgħin diviżjoni Tedeska, u għamlu erba’ mitt elf suldat priġunier.
Kien aktar hekk u f’dan għax kien ħaqqhom il-gratitudni li esprimew l-alleati l-oħra lejhom proprju f’dak li kien jirrappreżenta. Dan għax kienu ħadu fuqhom l-attenzjoni Tedeska. Fil-mument meta fil-battalja magħrufa bħala The Bulge, f’Diċembru 1944 kienu taw kedda sew lill-Anglo-Amerikani. Il-prestiġju militari Russu ma setax ikun akbar milli f’dak il-mument li nġabru f’daqqa dawn l-mexxejja.
Setgħu ċertament
B’dak li kien għaddej fil-kamp tal-battalja, l-Unjoni Sovjetika setgħet għalhekk ħadet il-Ġermanja speċjalment Berlin weħidha qabel jaslu l-alleati l-oħra. Imma fit-taħditiet li kien hemm f’Yalta huma qablu li ma jwettqux dan u għalhekk ir-rebħa tkun tat-tlieta.
Fil-laqgħa proprju qamu diversi punti oħra li fil-fatt għadhom jidwu magħna llum. Id-dinja nqasmet f’forma ta’ zoni ta’ influwenza hemm imma l-għoqiedi għadhom jidwu biex jinħallu. Kien hemm il-kwistjoni ta’ x’għandu jsir mill-Ġermanja, kif kellha tinqasam u xi ħlasijiet kellha tħallas.
Kien hemm dik Polakka, xi gvern u fruntieri kellha jkollha. F’dak li jingħad li Stalin kien spjega lill-alleati li l-Polonja kienet kwistjoni ta’ unur u sigurtà għalihom. Dik tat-twaqqif tan-Nazzjonijiet Magħquda bil-kumplikazzjonijiet ta’ min kellu jkun fil-Kunsill tas-Sigurta u x’poteri dwar xiex setgħu jeżerċitaw il-‘veto’. Iċ-Ċina li kienet għada b’partijiet okkupati mill-Ġappun. L-Iran bil-bjar taż-żejt li kellha u għad għandha.
Bilanċi u suspetti
Id-diskussjonijiet ma kinux nieqsa minn suspetti reċiproki. Anki jekk kif nafu li Churchill u Roosevelt kienu ltaqgħu ftit qabel f’pajjiżna bejn it-30 ta’ Jannar u t-2 ta Frar 1945, ma kienx hemm qbil perfett. Imma f’Yalta nbniet forma ta’ bilanċ f’dak li kellu jkun għalihom.
Kull parti daħlet u ħarġet b’dak li ħasbet l-aħjar u dak li ppretendiet li l-oħrajn se jġibu ruħhom fih fil-futur. Però nafu aktar fil-qosor li wara li l-gwerra ġiet fi tmiemha dawk li kienu alleati ma baqgħux aktar hekk. Saru rivali verament.
Effetti li ġew ukoll minħabba l-fatt li Roosevelt miet ftit wara u laħaq Harry Truman (1884-1972) u dik tal-politika li ġabet posponiment ta’ diversi punti li baqgħu mdendla. Mhux biss imma ma’ dan sakemm kien hemm il-Ħajt ta’ Berlin kien hemm rivalità, imma forma ta’ bilanċ fis-suspetti li komplew u fit-theddid sottili jew inqas li rajna.
Id-dinja saret aktar bħal bord taċ-ċess b’mossa kontra mossa. Imma meta waqa’ l-ħajt u l-Unjoni Sovjetika ġiet żarmata, il-pożizzjoni nqalbet tant li l-iżbilanċi kibru bejn dawk li kienu qabel alleati b’Federazzjoni Russa inqas b’saħħitha mill-Unjoni Sovjetika.
Illum
F’dak kollu li seħħ f’dawn is-snin tajjeb li nirriflettu mill-ġdid. Inħarsu lejn l-istorja u r-reazzjonijiet li r-riżentimenti passati jagħtu. Dak li għaddej jidher aktar li ġej minn hemm u wieħed jrid jifhem aktar dan.
Għalhekk aktar f’dan għandna nippruvaw nirriflettu l-ewwel proprju fil-mument storiku li ninsabu fih waqt li fit-tielet sena ta’ din il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna b’din l-invażjoni tal-Federazzjoni Russa; fit-tieni fil-ħsieb li din l-belt ta’ Yalta bidlet l-idejn mill-ġdid għax wara t-tmiem tal-ħajt għaddiet f’idejn l-istat tal-Ukrajna u issa tinsab okkupata; fit-tielet f’dak li qed jingħad bil-bidla tal-Presidenza Amerikana.
Kemm il-partijiet segwew skont il-viżjoni oċċidentali l-loġika u kemm it-trattativi li jidher li bdew jagħmlu sens hija f’dan li trid attenzjoni. Il-pożizzjonijiet inbidlu ħafna u f’dak li qiegħed jingħad mill-President Donald Trump ferm aktar ukoll.
Ftehim jew le
Min se jersaq mal-mejda tat-trattattivi għad irridu naraw. X’se jiġi diskuss huwa ieħor imma huwa aktar importanti li tinqabad it-triq għall-ftehim. Wieħed li jagħmel sens u jirrispetta kemm huwa possibbli l-pożizzjonijiet rispettivi.
Wieħed li ma jipposponiex imma li jaffronta l-kwistjonijiet b’dawk involuti.
Ma jistax għalhekk f’dan ikun hemm ftehim jekk ma jkunx hemm l-Unjoni Ewropea, it-Turkija u Volodymyr Zelensky preżenti. Huwa tajjeb għal ftehim veru fit-tul. Mhux biżżejjed l-Istati Uniti u l-Federazzjoni Russa weħidhom.
Hemm f’dan linja ta’ prinċipju li qiegħed fuq il-mejda imma hemm ukoll l-kumplikazzjonijiet varji li ħarġu. Aktar u aktar waqt li qed naraw tibdiliet li wieħed isaqsi lilu nnifsu jekk huwiex jisma’ sew. Il-bidliet verament saru sew f’dawn it-tmenin sena.
Fl-ispirtu
Nittamaw li l-vantaġġi ta’ Yalta jiġu identifikati u li l-iżbalji li seħħew ma jirripetux rwieħhom. Nittamaw li l-ispirtu li kellhom dak iż-żmien jirrendi b’xi mod lura ruħu.
Fil-11 ta’ Frar 1945 kienu dawn it-tliet mexxejja li kienu ddikjaraw fil-ftehim tagħhom hekk: “Our meeting here in Crimea has reaffirmed our common determination to maintain and strengthen in the peace to come that unity of purpose and of action which has made victory possible and certain for the United Nations in this war. We believe that this is a sacred obligation which our Governments owe to our peoples and to all the peoples of the world.”
Nittamaw li jinħass mill-ġdid dan id-dmir qawwi biex il-paċi fil-ġustizzja tirrenja. Nittamaw li l-ispirtu ta’ Yalta jikber, jispira, ifiehem u jkattar mill-ġdid lilu nnifsu.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 25 ta’ Frar, 2025.
//= $special ?>