Repubblika tappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li jkun estiż it-terminu ta’ preskrizzjoni marbut mal-investigazzjonijiet li jagħmel fuq l-imġieba ta’ persuni fil-ħajja pubblika.
Il-Kummissarju għamel din ir-rakkomandazzjoni mad-deċiżjoni tiegħu li allegat nuqqas fid-dikjarazzjoni tal-assi tal-Prim Ministru għall-2022 ma jistax ikun investigat għax kien preskritt (Ilment 173).
Reppublika tħeġġeġ lill-Parlament biex jemenda l-liġi biex it-terminu ta’ preskrizzjoni ikun estiż kif qed jgħidu kemm il-Kummissarju kif ukoll l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD).
Minbarra li t-terminu ta’ 30 ġurnata huwa wieħed qasir ħafna, is-sitwazzjoni preżenti twassal il-messaġġ li l-Membri Parlamentari jirranġaw il-liġi biex kemm jista’ jkun jevitaw li l-imġieba tagħhom tkun investigata.
Repubblika saħqet li ma jaggħmilx sens li dawn il-Membri Parlamentari jiftaħru li neħħew il-preskrizzjoni fuq il-korruzzjoni u mbagħad iħallu terminu ta’ preskrizzjoni daqshekk qasir fuq il-ksur tal-etika.
Bidla fit-terminu tal-preskrizzjoni hija pass konkret kontra l-impunità u messaġġ li l-Parlament u l-politiċi huma favur l-imġieba xierqa bil-fatti.
//= $special ?>