Lokali

“Waqt li Robert Abela qata’ qalbu mill-ġlieda kontra d-droga, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-unika tarka tal-poplu” – Bernard Grech

Aktar minn 48 siegħa wara s-serqa għad għandna 200kg droga oħra jiġru fit-toroq tagħna; Robert Abela insensittiv għan-nies għax l-ewwel ta’ madwaru

Jekk Robert Abela qata’ qalbu mill-ġlieda kontra d-droga, il-Partit Nazzjonalista qatt mhu se jaqta’ qalbu minn din il-ġlieda, u jibqa’ l-unika tarka tal-poplu kontra din il-problema li Abela llum hu kompletament insensittiv għaliha.

Waqt li ħaddieħor jibqa’ moħħu li jipproteġi lilu nnifsu, aħna nibqgħu ffukati biex niddefendu lill-poplu Malti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li għaddew aktar minn 48 siegħa u f’pajjiżna għad għandna 200kg droga żejda jiġru fit-toroq tagħha wara li nsterqu minn barracks tal-Forzi Armati.

Imma Robert Abela hu insensittiv għal dik l-omm li tilfet lil binha ta’ 17-il sena kawża tad-droga, insensittiv għal dak il-missier li ibnu mar jirriabilita ruħu fil-ħabs minħabba problema tad-droga u tawhulu mejjet, għal dik in-nanna li qed tara lin-neputija tinqered, insensittiv għal dak ir-raġel adult li llum ma jistax isib xogħol minħabba l-vizzju tad-droga.

U llum, dik l-omm, dak il-missier, dik in-nanna mifnija bil-ħsibijiet li fit-toroq għandna 200kg droga oħra.

U għax Robert Abela hu insensittiv qed juża l-Parlament biex minflok jiftaħ id-diskussjoni, jimmanipula s-sitwazzjoni u jipprova joqgħod jitkellem waħdu.

Ftit tal-jiem ilu n-nazzjon ingħaqad biex isellem b’rispett u qima lil Dun  Victor Grech li tant ħadem biex itaffi t-tbatijiet tal-vittmi tad-droga u biex joħroġhom mill-vizzju. Fost dawk li għamlu dan kien hemm il-Prim Ministru. Imma jidher li l-preżenza tiegħu kienet waħda ipokrita għax fl-ewwel okkażjoni li kellu biex jagħti sinjal ċar li hu qiegħed fuq quddiem biex jiġġieled din il-pjaga, minflok ħa ħsieb l-interessi tiegħu biss.

Robert Abela ma jimpurtahx minn nies. Robert Abela jimpurtah biss minn niesu. Robert Abela qed jibqa’ jiddefendi lil Byron Camilleri għax qed imexxi Gvern li ma jafx xi tfisser responsabbiltà politika u li meta jinqala’ xi ħaġa jaraw kif se jwaħħluha f’ħaddieħor.

Byron Camilleri għandu jirriżenzja għaliex din tal-aħħar hi biss waħda minn lista sħiħa ta’ nuqqasijiet minn naħa tiegħu:

·          L-iskandlu tal-ID Cards foloz u indirizzi misruqa

·          Il-Marokkini maħruba minn fuq ajruplan li għadna sal-lum ma nafux x’sar minnhom

·          Lista sħiħa ta’ każijiet li l-Kummissarju naqas li jinvestiga:
Il-każ tal-bank Pilatus
Is-serqa tal-Vitals
Frodi tal-benefiċċji soċjali
Liċenzji tas-sewqan għall-voti
Korruzzjoni fiċ-ċitazzjonijiet tal-LESA
Rekord ta’ għases magħluqa
Korp tal-Pulizija bla riżorsi
Estensjoni tal-kuntratt ta’ Angelo Gafà

·          It-tortura fil-Ħabs, is-siġġu tal-kastig u 14-il mewta taħt it-tmexxija ta’ Alex Dalli li ġibdet il-kundanna tal-Ombudsman

·          U issa 200kg droga misruqa u tiġri fit-toroq tagħna


Byron Camilleri ilu ma jidher sa minn meta offra r-riżenja tiegħu. Lanqas ilbieraħ ma attenda fil-Parlament. Byron Camilleri jaf li din is-serqa tad-droga taqa’ taħt ir-repsonsabbiltà tiegħu u offra r-riżenja tiegħu lil Robert Abela għax jaf li hekk hu xieraq.

Imma Robert Abela ma jistax jilqagħha għax jekk jagħmel dan ikun qed ipoġġi accountability fuqu nnifsu u fuq ta’ madwaru. U Robert Abela ma jridx ikun accountable.

Imma jekk ma jaċċettax ir-riżenja ta’ Bryon Camilleri, Robert Abela jrid jifhem li qed jieħu fuqu nnifsu n-nuqqasijiet kollha tal-Ministru Camilleri.

Filwaqt li Robert Abela medhi biss fl-interessi tiegħu, huwa biss il-Partit Nazzjonalista li fil-Parlament u fil-pajjiż qed ikun il-vuċi tal-poplu.

Hu evidenti li Robert Abela mhux interessat fil-ġlieda kontra d-droga. Imma l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ l-vuċi b’saħħitha li se tibqa’ tiġġieled għas-sigurtà ta’ dan il-pajjiż.

Filwaqt li l-Prim Ministru jibqa’ fuq in-naħa tal-kriminali, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ dejjem fuq in-naħa tal-poplu.