Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, qal li ftehim għall-waqfien mill-ġlied bejn ir-Russja u l-Ukrajna kapaċi jkun konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan wara li Macron kellu l-laqgħat, f’Washington, mal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u fejn ipprova jikkonvinċih dwar ir-rwol importanti tal-Ewropa fi kwalunkwe ftehim għall-paċi.
It-taħditiet fil-White House kienu mfissra bħala ‘sinifikanti’ u meta l-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, nhar il-Ħamis, sejjer ukoll f’Washington għal djalogu importanti ma’ Trump…Djalogu li mistenni jindirizza diversi aspetti ta’ kriżi fix-xena internazzjonali — u l-Ukrajna b’mod partikulari.
Kemm Macron u anki Starmer qed jippruvaw inaqqsu mid-differenzi relatati mas-sigurtà bejn il-Gvern ta’ Trump u l-Istati tal-Punent – fosthom il-potenzi tal-Ewropa.
Min-naħa tiegħu, Emmanuel Macron qal li kwalunkwe ftehim għall-paċi fl-Ukrajna mgħandux ifisser li ‘l-Ukreni jkunu ċedew lir-Russja’. Hu saħaq ukoll li l-ftehim anki għandu jkun appoġġjat bil-garanziji għas-sigurtà.
Madankollu, Donald Trump irid jikkonkludi ftehim għall-waqfien mill-ġlied mill-aktar fis u fejn anki jista’ jippermetti biex ir-Russi jżommu t-territorji tal-Ukreni li ilhom jikkontrollaw mindu l-qawwiet ta’ Vladimir Putin invadew lill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar tal-2022.
Fi żviluppi oħra, il-Kremlin f’Moska qed jara l-potenzjal ta’ kooperazzjoni mal-Istati Uniti rigward l-iżvilupp tar-riservi tal-minerali tal-art rari tar-Russja. Dawn ir-riservi jinnkludu minerali li ġejjin mill-partijiet tal-Ukrajna okkupati mir-Russi.
Fl-istess ħin, hemm l-ispekulazzjoni li l-Ukreni u l-Istati Uniti huma qrib li jiffirmaw ftehim li jesiġi biex l-Amerikani jkollhom aċċess għad-depożiti tal-minerali fl-Ukrajna, bi skambju ma’ ‘garanziji tas-sigurtà.’
//= $special ?>