Mara ta’ 39 sena minn Birkirkara li għandha dipendenza kbira fuq id-droga, ġiet ikkundananta 18-il xahar ħabs wara li nstabet ħatja li serqet ġiżirana minn għonq bidwi wara li rrifjuta li jagħtiha l-flus li talbitu. Josianne Grech instabet ħatja ta’ dan ir-reat li hija wettqet fit-8 ta’ Lulju 2021, għall-ħabta tal-3.50pm, f’għalqa f’Birkirkara stess.
Il-bidwi qal fil-Qorti li waqt li kien fl-għalqa għaddiet mara bil-karozza, waqfet ħdejh u għajtitlu. Meta staqsiha x’għandha bżonn talbitu €8. Huwa tenna li kien bil-vann bil-ħaxix jaqdi xi klijenti bil-mara tinżel mill-karozza u ppruvat tiftaħlu l-cash register u meta qalilha li ma kellux flus bdiet tfittixlu fil-but.
F’ħin minnhom ħatfitlu l-ġiżirana u huwa żammilha idejha t-tnejn imma peress li ma kinitx liebsa maskra għax il-każ seħħ fi żmien il-pandemija tal-Covid, ma ħassux komdu u qalilha biex teħodha. Qalilha wkoll li madankollu kien se jċempel lill-Pulizija.
Il-bidwi qal lill-Maġistrat Rachel Montebello li semgħet il-każ, li huwa għaraf lil Josianne Grech għax jafha u tenna li kienet ilha tgħix Birkirkara sa minn meta kienet tifla u kien jieqaf bit-trakk tal-ħaxix fit-triq fejn kienet tgħix.
Għalkemmi l-mara ma xehditx fil-Qorti, waqt li kienet interrogata mill-Pulizija hija qalet li ġieli marret titlob flus lill-bidwi u li dejjem tagħtu l-flus lura. Lill-Pulizija qaltilhom ukoll li beda jwaqqagħha għaċ-ċajt quddiem il-klijenti tiegħu u sostniet li ħin minnhom tbaxxa biex jagħlaq kexxun, il-ġiżirana ħabtet mal-cash register u ħatfithielu.
Il-mara qalet li ġieli taha xi flus, madankollu meta kien jagħtiha €10 kien jitloba tikxiflu sidirha jew ikollu x’jaqsam sesswalment magħha. Fuq il-ġiżirana misruqa din kienet begħetha lil raġel li taha €30 iżda ma tafx min hu u ammettiet li għandha dipendenza kbira fuq id-droga.
Wara li semgħet dawn il-provi, il-Maġistrat Montebello sabet lil mara ħatja u meta ġiet biex tagħtiha l-piena, ikkunsidrat, fost affarijiet oħra, li r-reat twettaq biex hija tissodisfa l-kilba għad-droga kif ukoll li kellha kondotta mittiefsa b’diversi reati.
Ingħad ukoll mill-Qorti li ma nġiebet l-ebda prova li l-mara qed tipprova tindirizza l-vizzju tad-droga u għalhekk ikkundannata 18-il xahar ħabs, ordnatilha tagħti €150 lill-bidwi u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-bidwi għall-perjodu ta’ tliet snin.
L-Ispettur Roxanne Tabone mexxiet il-prosekuzzjoni.
//= $special ?>