Lokali Parlament

Aktar minn 3,200 persuna talbu għajnuna ta’ psikjatri jew psikologi fl-isptarijiet tal-Gvern f’Malta u Għawdex

2,176 persuna f’Malta u 1,067 f’Għawdex ħtieġu s-sapport ta’ psikjatri jew psikologi fl-isptarijiet tal-Gvern f’Malta u Għawdex ­– total ta’ 3,243. Dan ifisser li kważi nofs il-każi ta’ Malta, kienu f’Għawdex.

Din l-istatistika ngħatat fil-Parlametn mill-Ministru Jo Etienne Abela għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea li staqsiet lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva jgħid jekk il-Ministeru hux qed iżomm statistika ta’ kemm persuni li jkunu jeħtieġu sapport ta’ psikjatri jew psikologi, jidħlu fl-isptarijiet tal-Gvern f’Malta.

Jirriżulta li fil-faxxa tal-età sa 18-il sena talbu l-għajnuna u daħlu fl-isptar ta’ Malta 126 persuna; bejn id-19 u 34 sena 707 persuni; bejn il-35 u l-50 sena 750 persuna; bejn il-51 u d-69 sena 462; u dawk ’il fuq minn 70 sena kienu 131 persuna li kellhom bżonn din l-għajnuna.

F’Għawdex, kienu tliet persuni fl-età ta’ bejn 13 u 15-il sena; 43 persuna bejn 16 u 24 sena; 62 persuna bejn il-25 u l-34 sena; 63 persuna bejn il-35 u l-44 sena; 85 persuna bejn l-45 u l-54 sena; 127 persuna bejn il-55 u l-64 sena; 141 persuna bejn il-65 u l-74 sena; 80 persuna bejn il-75 u l-79; u 463 persuna ’l fuq minn 80 sena.

Jirriżulta wkoll li ma tinżammx informazzjoni dwar il-postijiet tax-xogħol li minnhom ikunu ġejjin dawk li jitolbu l-għajnuna.