Lokali

Byron Camilleri m’għandux triq oħra ħlief li jwarrab – PN

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, il-PN tenna illi l-Ministru Byron Camilleri m’għandux triq oħra ħlief li jwarrab. Dan filwaqt li preżentaw (b’mod figurattiv) id-dimensjoni tal-ammont ta’ droga li nsterqet mill-Barracks tal-AFM.

  • Kif jista’ jkun li sseħħ serqa bħal din mill-aktar post sigur f’Malta u ħadd ma jerfa’ responsabbiltà politika?
  • Kif jista’ jkun li ammont daqshekk kbir ta’ droga jinsteraq minn dan il-post u ma jinduna ħadd li qed tinsteraq?
  • Biex ikompli jsalva ġildu, Abela lbieraħ irrifjuta dibattitu veru fil-Parlament dwar is-serqa tal-226kg droga u l-Mozzjoni ta’ Sfiduċja li ressqet l-Oppożizzjoni fil-Ministru Camilleri
  • Il-Prim Ministru qed jarmi s-sigurtà tal-Maltin u jġib fix-xejn il-ħidma kbira ta’ dawk li jaħdmu mal-vittmi tad-droga
  • L-ebda turija ta’ fiduċja mill-Kabinett u l-ebda arresti mill-Pulizija ma jnaqqsu mill-fatt li d-droga nsterqet
  • Għalfejn il-Kummissarju tal-Pulizija ma jridx jgħidilna min huma dawk involuti, jekk id-droga kinitx mgħassa u minn fejn insterqet eżatt?


Il-fatt li seħħet serqa mill-aktar post suppost sigur f’Malta jfisser li f’dan il-pajjiż għandna problema serja ħafna ta’ sigurtà. Problema li l-Prim Ministru jew mhux qed jifhem jew qed jagħmel tabirruħu li mhux qed jifhem. Kif jista’ jkun li xi ħadd rnexxielu jisraq 226kg ta’ droga minn post bħal dan ta’ sigurtà massima u ħadd ma jieħu r-responsabbiltà politika?

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem għexieren ta’ pakketti li jirrappreżentaw l-ekwivalenti ta’ 226kg droga u li tpoġġew quddiem il-Parlament, il-Partit Nazzjonalista dalgħodu qal li l-fatt biss li serqa bħal din seħħet m’għandhiex tinkwieta biss lill-poplu, imma għandha tixgħel bozza ħamra lill-Gvern. Madankollu, quddiem falliment ieħor, din id-darba fis-sigurtà ta’ pajjiżna, Robert Abela u sħabu jridu jkomplu għaddejjin business as usual.

Ix-Shadow Ministers Albert Buttigieg u Graziella Attard Previ, li indirizzaw il-konferenza tal-aħbarijiet, staqsew kif qatt jista’ jkun li ammont sostanzjali ta’ droga bħal dan insteraq minn ġo faċilità ta’ sigurtà massima u minn taħt imnieħer l-awtoritajiet u ħadd ma jinduna. Kif jista’ jkun li ammont sostanzjali ta’ droga bħal dan jinsteraq minn taqsima suppost mgħassa tajjeb f’barracks tal-Armata ta’ pajjiżna u ħadd ma jieħu r-responsabbiltà politika.

Il-fatt li l-Pulizija rkuprat parti żgħira mid-droga ma jserraħ ras ħadd. Bħalma ma jserraħ ras ħadd li l-Ministru li suppost hu responsabbli mis-sigurtà tagħna ngħata l-fiduċja tal-Kabinett. U bħalma ma jserraħ ras ħadd il-fatt li l-Kabinett ta wkoll fiduċja lid-deċiżjoni tal-Prim Ministru li ma jaċċettax ir-riżenja ta’ Camilleri.

Għax il-fatt jibqa’ li 226 kilo droga nsterqu minn taħt imnieħer Byron Camilleri u l-awtoritajiet – minn post suppost mgħasses sew, proprjetà tal-Forzi Armati ta’ Malta li għalihom hu responsabbli Byron Camilleri.

Lanqas il-Kummissarju tal-Pulizija ma serraħ ras ħadd fil-Crime Conference tal-bieraħ. Il-kelliema tal-PN staqsew għalfejn il-Kummissarju ma qalilniex minn fejn insterqet eżatt din id-droga? Għalfejn ma jridx jgħid min huma l-persuni arrestati? Għalfejn ma qalilniex id-droga kinitx mgħassa kif suppost? Kemm swiet l-ispiża biex din id-droga – li spiċċat insterqet – tiġi mgħassa tul iż-żmien kollu li damet sekwestrata? Għalfejn quddiem ksur flagranti tas-sigurtà ta’ pajjiżna sejjaħ konferenza li ħallietna b’aktar mistoqsjiet milli tweġibiet?

Il-Kummissarju ma serraħ ras ħadd.

Ma serraħ ras ħadd lanqas Robert Abela meta fl-aħħar jumejn insista li jitkellem waħdu fil-Parlament u lbieraħ baqa’ jsabbat saqajh biex lanqas illum ma jkun hemm dibattitu veru fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra fuq dan il-każ.

Ix-Shadow Ministers staqsew għalfejn Robert Abela rrifjuta wkoll it-talba tal-Oppożizzjoni biex illum fil-Parlament tiġi diskussa Mozzjoni ta’ Sfiduċja f’Byron Camilleri ladarba l-Kabinett diġà esprima l-fiduċja tiegħu fil-Ministru. Minn xiex qed jibża’ Abela? Mhux ċert li l-Ministri kollha verament fadlilhom fiduċja f’Camilleri?

Robert Abela komdu biss joqgħod jitkellem waħdu. Għax il-Prim Ministru qed jgħix f’bużżieqa fejn jeżistu biss hu u dawk ta’ madwaru.

Abela ma jistax jifhem l-inkwiet li għandha llum omm li taf li bintha tuża d-droga, jew missier li qed jara lil ibnu jinqered quddiem għajnejh.

Abela tajjeb biss biex jibki dmugħ tal-kukkudrilli fil-funerali ta’ min qatta’ ħajtu jipprova joħroġ liż-żgħażagħ mill-vizzju tad-droga. Imma quddiem ir-realtà li seħħet tort tal-Ministru tiegħu, u li wasslet biex illum għandna fornitura akbar ta’ droga fit-toroq, Robert Abela jrid jibqa’ għaddej daqs li kieku xejn mhu xejn.

Abela ma ħasibhiex darbtejn biex f’tebqa t’għajn jarmi l-isforzi kollha li jagħmlu dawk li jaħdmu mal-vittmi tad-droga – il-ħidma ta’ NGOs bħall-Caritas, l-OASI, is-Sedqa u l-Appoġġ kif ukoll oħrajn li diġà għandhom forzi kbar li jridu jiġġieldu kontrihom. Issa kontrihom għandhom ukoll Ministru tas-Sigurtà li minflok jiġġieled il-problema tad-droga sar parti mill-problema.

Kieku Robert Abela kien sensittiv għan-nies, kieku kien jagħżel l-ewwel u qabel kollox is-sigurtà tan-nies. Ma kienx jagħżel li minkejja l-lista ma tispiċċa qatt ta’ fallimenti tiegħu jibqa’ jagħżel lil Byron Camilleri.

Jekk ma jridx iġorr hu l-fallimenti ta’ Camilleri, għandu jneħħih immedjatament.

Byron Camilleri m’għandux triq oħra ħlief li jwarrab. Hu l-Ministru responsabbli minn dan l-iskandlu. U dan mhux l-ewwel wieħed tiegħu. Ir-responsabblità politika hi tiegħu u tiegħu biss.The buck stops with him.

Abela jridu miegħu għal raġuni waħda biss. Biex isalva ġildu.

Dan mhux gvern tal-poplu. Dan mhux gvern tal-ħaddiem. Dan mhux gvern tal-Maltin. Dan gvern tal-kriminali. Imdawwar bil-kriminali. Ikkontrollat mill-kriminali.

Jekk Abela mhux se jneħħi lil Camilleri, qed ikompli jikkonferma dan.