Lokali

Jinżammu taħt arrest 4 persuni akkużati bis-serqa ta’ droga mill-barracks tal-AFM

B’kollox ġew arrestati 12-il persuna, inkluż burdnara

L-Erbgħa filgħaxija qed jitressqu 4 irġiel, ilkoll Maltin, akkużati fost oħrajn b’rabta mas-serqa ta’ aktar minn 220kilogramma droga quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.

Dan hekk kif għall-ħabta ta’ 2000hrs Sean Attard, security ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ, assistit mill-Avukati Franco Debono u Matthew Xuereb, Carlos Pace, xufier ta’ 23 sena mill-Marsa, assistit mill-Avukati Franco Debono, Adriana Zammit u Marion Camilleri, Youseff Essesi, tattooist ta’ 33 sena minn San Pawl il-Baħar, asisstit mill-Avukat Amadeus Cachia kif ukoll Cleaven Pace ta’ 19-il sena mill-Marsa, assistit mill-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adriana Zammit.

Fil-Qorti instema’ kif filwaqt li fil-pussess ta’ kemm Attard, Pace u Essesi instabu kilogrammi ta’ droga, Cleaven Pace ammetta mal-Pulizija kien fl-inħawi ta’ fejn seħħet is-serqa, madanakollu sustanza fil-pussess tiegħu ma nstabitx.

Intqal ukoll li Carlos Pace qed jiġi akkużat li wettaq reat waqt li jinsab jiskonta perjodu ta’ sentenza sospiża u waqt li jinstab ukoll fuq perjodu ta’ libertà kundizzjonata f’sentenza separata.

Fost l-arrestati hemm ukoll burdnara li ħadu l-kontejner fil-barracks tal-Armata

Intqal li b’kollox hemm 12-il persuna arrestata, inkluż burdnara li ħadu l-kontejner fil-post ukoll.

Skont filmati elevati mill-Pulizija, jidher li filwaqt li ż-żagħżugħ ta’ 19-il sena ma kienx fil-post madanakollu kien fl-inħawi, fejn wara li seħħet is-serqa, mill-investigazzjonijiet il-Pulizija saħqu li huwa saq vettura wara l-vettura li allegatament kienet intużat biex titwettaq is-serqa.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest issir biss għaż-żagħżugħ ta’ 19-il sena

L-Avukat Franco Debono spjega li t-talba għall-ħelsien mill-arrest qed issir biss għal Cleaven Pace bil-prosekuzzjoni toġġezzjoni għaliex l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. Huma saħqu li l-każ għadu wieħed prematur.

Il-prosekuzzjoni li qed titmexxa mill-Avukat Maria Francesca Spiteri, l-Ispettur Joseph Mercieca u l-Ispettur Mark Mercieca, spjegaw li hemm diversi xhieda pajżana li jridu jixhdu u parti mid-droga misruqa li għadha ma nstabitx….u li hemm il-biża’ li tinqered.

Intant huma saħqu li dawn l-akkużati lkoll kemm huma jaf ħolqu biża’ fuq is-sigurtà nazzjonali.

Bil-Maġistrat jiċħad it-talba ta’ ħelsien mill-arrest.