Skont Ian Borg “Byron huwa raġel responsabbli”
Il-Ministru Byron Camilleri huwa raġel responsabbli.
Sostna dan id-Deputat Prim Ministru Ian Borg meta Net News staqsih x’inhi r-raġuni li fil-Gvern ta’ Abela, ħadd ma jerfa’ responsabbiltà politika. U filwaqt li Byron Camilleri stqarr li hu ried jitlaq, huwa evidenti li jew kienet kollha pantomima, jew Robert Abela jrid iżommu għax m’għandux min ipoġġi floku; b’Ian Borg jisħaq li Camilleri għandu l-fiduċja sħiħa tiegħu.
In-nuqqas ta’ responsabbiltà politika u kontabbiltà limitata, li hija theddida ċara għad-demokrazija ta’ pajjiżna, hija sinonima mal-Gvern immexxi minn Robert Abela bi skandli kontinwi li ħadd ma jġorr responsabbiltà għalihom fost oħrajn ukoll l-iskandlu tal-liċenzji tas-sewqan, li ironikament lanqas l-istess Ian Borg ma refa’ responsabbiltà għalihom.
Intant, Net News staqsa għal liema raġuni l-Brigadier Clinton O’Neill għadu sospiż mill-impjieg tiegħu; la darba bl-istess kejl il-Ministru Byron Camilleri għadu f’postu…u agħar minn hekk spikkat l-għaġla li biha O’Neill ġie sospiż, waqt li fix-xhur u snin preċedenti Diretturi tal-Ħabs taħt it-tmexxija tal-Ministru Camilleri nżammu hemm għal xhur sħaħ.
Fi zviluppi ohra, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ippubblika t-Termini ta’ Riferenza tal-Inkjesta Amministrattiva maħtura biex tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi li wasslu għas-serqa tal-kannabis mill-barracks ta’ Ħal Safi.
Din l-inkjesta, li hi indipendenti mill-investigazzjonijiet kriminali, ser titmexxa mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia.
L-inkjesta għandha titlesta sal-14 ta’ Marzu. S’issa għadu mhux car jekk hux se jkun hemm il-pubblikazzjoni ta’ din l-inkjesta.
//= $special ?>