Edukazzjoni Lokali

“Il-Ftehim Kollettiv fl-MCAST għandu jiġi konkluż kemm jista’ jkun malajr” – PN

Jumejn qabel jiskadi l-ultimatum tal-MUT, wara negozjati li ma messhom qatt ħadu daqshekk fit-tul, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex ma jkomplix ikaxkar saqajh għax qegħdin tliet snin tard

Il-Ftehim Kollettiv fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija issa ilu tliet snin li skada, u l-letturi u l-edukaturi fil-gradi kollha fl-MCAST għadhom qed jistennew u jittamaw li sa fl-aħħar dan ikun konkluż fil-jiem li ġejjin, tliet snin tard. In-negozjati dwar dan il-ftehim qatt ma messhom ħadu daqshekk fit-tul, b’konsegwenzi kemm għall-għalliema imma wkoll għall-istudenti tal-Kulleġġ u l-ġenituri tagħhom.

Jumejn qabel jiskadi l-ultimatum mogħti mill-Malta Union of Teachers lill-Gvern biex iressaq ’il quddiem il-pakkett finanzjarju bħala parti mill-Ftehim Kollettiv tal-MCAST, il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Gvern biex ma jkomplix ikaxkar saqajh u jikkonkludi kemm jista’ jkun malajr mal-MUT għall-benefiċċju ta’ dawk kollha milquta minn din il-kwistjoni.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-MCAST tal-Mosta, ix-Shadow Ministers Justin Schembri, Ivan Castillo u Bernice Bonello spjegaw li l-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar snin isegwi l-kriżi li nħolqot fl-MCAST minħabba li l-Gvern ta’ Robert Abela wera biċ-ċar kemm-il darba li għall-edukazzjoni ma għandux biżżejjed flus – kriżi li hija inaċċettabbli għaliex eluf ta’ studenti, letturi u gradi oħra sfaw vittma ta’ Gvern li mhux kapaċi jwettaq l-obbligi tiegħu.

Huwa inaċċettabbli wkoll li l-eżitu tan-negozjati baqa’ ma sab ebda kompromess għaliex il-Gvern irid li tgħaddi tiegħu dejjem u ma jemminx biżżejjed fid-djalogu miftuħ.

Fid-dawl ta’ din il-kriżi li twalet iżżejjed, il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Ftehim Kollettiv jingħalaq fi tmiem il-ġimgħa u l-MCAST jibda jopera bħalma huwa mistenni minn Kulleġġ edukattiv mingħajr ix-xkiel tad-direttivi imposti minħabba l-kriżi li ħolqu Robert Abela u Clifton Grima u li ma kinux kapaċi jsolvu.

Ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembri fakkar kif matul dawn l-aħħar snin, din l-inċertezza ppreġudikat b’mod li huwa bla preċedent l-esperjenza edukattiva tal-eluf ta’ żgħażagħ fl-MCAST li ma ngħatawx dak li huwa bi dritt huwa tagħhom: jiġifieri esperjenza edukattiva olistika. Fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ltaqa’ ma’ mijiet ta’ studenti u numru kbir ta’ letturi, ħa sehem fil-protesti diversi li saru għaliex dejjem emmen li l-fokus tal-edukazzjoni għandu jkun it-tagħlim. Imma għax il-Gvern baqa’ jwebbes rasu u saħansitra anke hedded li jitlaq minn mal-mejda tan-negozjati, l-MUT ma kellhiex triq oħra ħlief li tkompli bl-azzjonijiet undistrijali biex tasal sa din il-ġimgħa kruċjali.

Min-naħa tiegħu x-Shadow Minister għad-Djalogu Soċjali Ivan Castillo appella mill-ġdid għall-bidla importanti fl-IRU (Industrial Relations Unit) għaliex huwa ċar li dan mhumiex mgħammar b’biżżejjed riżorsi. Huwa appella għal djalogu aktar miftuħ, aktar trasparenti u aktar unilaterali biex sitwazzjonijiet bħal din il-kriżi tal-MCAST ma jerġgħux jiġu ripetuti. Huwa fakkar li l-Gvern saħansitra hedded lill-MUT li jirreferiha quddiem it-Tribunal Industrijali proprju fil-bidu ta’ sena akkademika, azzjoni li kellu jirtiraha għaliex f’ġieħ id-djalogu soċjali ma tagħmilx sens.

Ix-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ Bernice Bonello fissret li matul dawn l-aħħar snin kemm ilha għaddejja din il-kriżi, iż-żgħażagħ twarrbu għaliex il-Gvern inqabad ostaġġ tal-wegħda tiegħu stess: dik li jżid is-salarji tal-letturi u tal-gradi l-oħra fl-MCAST. Hi appellat lill-Gvern biex mhux biss jagħlaq dan il-Ftehim Kollettiv kemm jista’ jkun malajr imma wkoll jagħti direzzjoni ta’ kif se jkunu qed jiġu kkumpensati l-istudenti li ġew affettwati minħabba d-direttivi kontinwi. Fl-istess waqt, il-Gvern u l-MCAST għandhom jispjegaw b’mod ċar kif l-Administrative Passes li ngħataw se jkunu eleġibbli għall-warrants fejn huwa l-każ għaliex il-futur ta’ eluf ta’ studenti ma jistax jibqa’ jbati l-konsegwenzi tal-falliment tal-Gvern għal dejjem.