Lokali Parlament

Il-liġi dwar l-inkjesti hi prova ta’ gvern li jibża’ mill-verità

Ivan Castillo, PN

Ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo qal fil-parlament li l-liġi dwar l-inkjesti hi prova ta’ gvern li jibża’ mill-verità.

Ivan Castillo staqsa minn xhix qed jibża’ l-gvern billi jgħaddi liġi li tneħħi d-drittijiet taċ-ċittadini u tal-ħaddiema Maltin. Dan juri li l-gvern għandu aġenda iżda ma jridx jiddiskuti liġijiet oħra. Din il-liġi mhijiex fl-interess taċ-ċittadini, sostna Ivan Castillo, li kompla li l-poplu Malti għejja jisma’ skandlu fuq ieħor għaliex dan il-gvern kisser lil dan il-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li ħadd mhux jassumi responsbbiltà għal dawn l-iskandli b’konsegwenza li n-nies qed jitilfu l-fiduċja fil-politiċi. Ivan Castillo kompla li l-PL hu l-inqas partit Soċjalista, tal-ħaddiema u l-vulnerabbli li qatt kien hawn fl-istorja tal-pajjiż.

Il-gvern jnteressah biss mill-interessi tiegħu personali, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li l-poplu qed jistaqsi għaliex il-gvern qed jagħti daqshekk prijorità lil din il-liġi. In-nies qed jifhmu u jafu x’inhuma l-iskopijiet tal-gvern wara din il-liġi, sostna Ivan Castillo, li kompla li l-gvern lanqas irid jagħmel konsultazzjoni pubblika dwar din il-liġi.

Hu appella lill-gvern biex jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu dwar din l-liġi u sostna li l-gvern ġab lill-pajjiż għarkubtejh.