Lokali Parlament

Il-vittmi tal-vjolenza domestika li ma jkunux ingħataw protezzjoni se jkollhom imorru lura għand il-Pulizija

Claudette Buttigieg, PN

Ix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg sostniet fil-parlament li l-liġi dwar l-inkjesti se twaqqaf inkjesti li jinvolvu persuni prominenti fil-politika.

Claudette Buttigieg qalet li l-gvern qed jgħid ħaġa iżda fir-realtà qed isir l-oppost fil-kuntest tal-governanza. Hi sostniet li l-Gvern Laburista llum qed iwettaq l-oppost ta’ dak li wiegħed fil-PL fejn kien wieħed struttura li ssaħħaħ l-inkjesti maġisterjali.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-iktar settur li se jintlaqat direttament minbarra l-ħbieb tal-membri tal-kabinett huma n-nies ordinarji li diġà għamlu użu minn inkjesti maġisterjali. Claudette Buttigieg ta eżempju ta’ nisa li jkunu vittmi ta’ inkjesti domestiċi li jkunu għamlu rapporti lill-pulizija iżda jkun hemm tentattivi biex is-sitwazzjoni tkun irranġata.

Hi semmiet il-każi ta’ Bernice Cilia u Nicolette Ghirxi li talbu l-għajnuna iżda nqatlu mill-aggressuri tagħhom u qalet li b’dawn l-emendi, il-familjari ta’ dawn il-vittmi ma jistgħux jitolbu rimedji permezz ta’ inkjesta maġisterjali għaliex dan id-dritt se jitneħħa. Dawn il-vittmi ma jistgħux imorru għand il-pulizija jekk dawn ma jkunx ingħataw il-protezzjoni. Xi dritt għandu l-gvern li jwaqqaf lil dawn il-persuni milli jitolbu inkjesta maġisterjali? staqsiet id-deputat Nazzjonalista.

Hi kkwotat dak li qal Simon Busuttil meta appella biex dan l-abbozz ma jkunx diskuss mill-aspett politiku iżda mill-perspettivia tad-drittijiet tal-bniedem. Il-prinċipju tan-non-rigressjoni fis-saltna tad-dritt hu prinċipju fundamentali u għalhekk skont il-Konvenzjoni Ewropea, il-Gvern ma jistax inaqqas jew jieħu drittijiet taċ-ċitatdin. Din l-emenda qiegħda fil-fatt tnaqqas dawn id-drittijiet.

Claudette Buttigieg kompliet li mhux veru li l-gvern qed jimxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja. Hi qalet li kien hemm diversi inkjesti li b’din l-emenda ma kinux jinfetħu. Biex jasal għal dak li jrid hu l-gvern lest jieħu d-drittijiet taċ-ċittadini, sostniet Claudette Buttigieg.