Kollox jindika li fis-sigħat li ġejjin se jkunu qed jitressqu l-Qorti wħud mill-persuni implikati fis-serqa tad-droga li seħħet minn kontejner li kien suppost taħt sigurtà massima fil-Barracks ta’ Ħal Safi.
Net News jinsab infurmat li l-persuni se jitressqu quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.
S’issa, il-Pulizija qed tgħid li rkuprat 85kg reżina tal-kannabis minn total ta’ 226kg li kienu nsterqu mill-Barracks tal-AFM – għalkemm il-Kummissarju ma setax jikkonferma li din kienet id-droga li proprjament kienet misruqa mill-kontejner.
Il-Kummissarju qal li ġew arrestati 8 persuni – kollha Maltin – u wħud minnhom huma magħrufa mal-Pulizija. L-arresti saru f’Ħaż-Żebbuġ, fil-Marsa, f’Ħal Qormi u f’Tal-Pietà.
Minn appartament f’Ħaż-Żebbuġ, il-Pulizija arrestat 4 persuni u f’garaxx fil-viċinanzi nstabu 36kg reżina tal-kannabis. Din id-droga nstabet f’bagoll ta’ vettura Mercedes.
Minn residenza fil-Marsa ġie arrestat ġuvni ta’ 23 sena. U minn garaxx f’Ħaż-Żabbar tal-istess persuna nstabet 34kg reżina tal-kannabis.
Kmieni t-Tlieta filgħodu ġie arrestat ukoll raġel minn Ħal Qormi ta’ 34 sena, u f’għalqa f’San Ġwann instabet 10 kg droga.
Imbagħad ilbieraħ, għas-12.45pm il-Pulizija iċċirkondat żewġ vetturi – waħda f’Ħal Qormi u l-oħra f’Tal-Pietà minn fejn arrestat żewġ ġuvintur oħra ta’ 25 sena u 23 sena rispettivament. Fir-residenza f’Tal-Pietà sabu 5kg kannabis u sustanza oħra.
//= $special ?>