Raġel ta’ 32 sena mill-Gambja li għaddej proċeduri fil-Qorti mixli li stupra tliet nisa Ċiniżi, reġa’ tressaq il-Qorti mixli bi stupru ta’ Ċiniża oħra, li qalet li kienet għarfitu waqt li kienet qed tara t-televiżjoni. Qalet li għarfet lil Harona Conateh bħala r-raġel li stupraha aktar minn darba.
Il-prosekuzzjoni qalet li fil-11 ta’ Lulju tas-sena 2024 il-mara rrapportat fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara u qalet li waqt li kienet qed tara t-TV, rat persuna ta’ karnaġġon skur li kien ġie mressaq fuq strupri oħra, u li lilha mhux biss strupraha tliet darbiet iżda serqilha l-mobile u saħansitra sawwatha fuq wiċċha.
Il-mara li kienet taħdem f’massage parlour, uriet ritratt lill-Pulizija li jindika li huwa l-persuna akkużat. Il-prosekuzzjoni qalet li nħareġ mandat u Harona Conateh inġabar mill-ħabs għax kien fuq arrest preventiv b’rabta ma’ każijiet ta’ stupru.
Huwa ġie mixli wkoll l-Erbgħa quddiem il-Maġistrat Leornard Caruana li kien fil-pussess ta’ arma li taqa’ fil-ponta waqt li wettaq ir-reat. Il-Qorti wara li semgħet lill-Ispettur Wayne Buhagiar dwar iċ-ċirkostanzi għall-arrest tal-imputat, qieset li l-arrest kien wieħed ġustifikat u għalhekk ġie kkonvalidat. Ma saret l-ebda talba għall-pleġġ mid-difiża wara li l-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih fejn qal li huwa lanqas biss jaf lill-allegata vittma.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Wayne Buhagiar u Clayton Camilleri flimkien mal-Avukati Angelle Vella u Nicholas Degaetano mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Alexia Vassallo dehret għall-imputat.
Harona Conateh diġà jinsab akkużat bi stupru ta’ tliet nisa f’massage parlours differenti. Il-Gambjan li qabel ma spiċċa l-ħabs kien residenti Ħal Qormi, jinsab akkużat fost oħrajn bi stupru, u li żamm lin-nisa kontra l-volonta tagħhom. L-allegat każ preċedenti fil-konfront tat-tliet vittmi differenti seħħ fi tliet swali tal-massaġġi differenti f’Tas-Sliema u f’Birkirkara.
Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu fil-każ preċedenti li Conateh kien rabat lil waħda mill-vittmi tiegħu qabel stupraha fil-massage parlour fejn kienet taħdem. Meta ġie arrestat l-ewwel darba dawk li kienu qed jagħmlu r-rondi tal-Pulizija kienu ngħataw struzzjonijiet biex joqogħdu attenti għas-suspettat, li d-dehra tiegħu kienu waslu għalih permezz ta’ informaturi u filmati tas-CCTV, li kollha wrew lill-istess individwu fiz-zona fejn seħħew l-allegati stupri.
Fl-aħħar huwa kien intlemaħ fi Triq Ħal Qormi, il-Ħamrun u ttieħed arrestat. Sussegwentement il-Pulizija fittxew fir-residenza tar-raġel u sabu l-ħwejjeġ li dehru fuq il-filmati tas-CCTV.
Ir-raġel jinsab akkużat bi stupru f’każijiet li seħħew darba f’Ġunju u darbtejn f’Lulju, fi ħwienet differenti li joffru servizz ta’ massaġġi. L-ewwel vittma li hi mit-Tajlandja, qalet fil-Qorti li r-raġel talab servizz ta’ massaġġi u meta l-vittma rrifjutat, tajrilha n-nuċċali, qabadha mill-polz u waddabha mal-art.
//= $special ?>