Dalgħodu, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar ir-reviżjoni tal-programm ta’ investiment li issa se jara l-kumpanija tinvesti €345 miljun bejn l-2025 u l-2029. Permezz tiegħu, l-ajruport se jkun qed jara titjib sostenzjali fl-operat u anke t-tisħiħ tal-qasam kummerċjali u l-miri sostenibbli tiegħu.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg, qal li dan il-programm se jkompli jibni fuq l-investimenti li l-kumpanija wettqet fl-aħħar sentejn, bil-għan li ssaħħaħ l-infrastruttura tal-ajruport għall-bżonnijiet futuri. Is-Sur Borg semma wħud mill-investimenti ewlenin li se jkunu konklużi matul l-2025. Dawn jinkludu l-proġett ta’ Apron 8 South, li se jkun qed iżid il-kapaċità ta’ parkeġġ għall-ajruplani b’40% u anke t-tkabbir tat-terminal lejn in-naħa tal-Punent, li ra l-ispazju fit-terminal jiżdied b’1,500 metru kwadru u li permezz tiegħu, l-ajruport se jkun qed joffri esperjenza isbaħ u aħjar lill-passiġġiera li jkunu għadhom kemm waslu Malta.
Hekk kif dawn il-proġetti waslu biex ikunu konklużi, il-kumpanija ħabbret il-proġett ewlieni li jmiss, jiġifieri t-tkabbir tat-terminal lejn in-naħa tal-Lvant. Dan il-proġett se jkun jinkludi l-estensjoni tat-terminal b’6,000 metru kwadru u li se joffri biżżejjed spazju biex jiġu introdotti aktar gates, check-in desks u iżjed spazji għall-passiġġiera li jkunu se jħallu Malta. Apparti minn hekk, għal aktar konvenjenza, it-terminal issa se jkun magħqud direttament ma’ Park East, il-parkeġġ fuq diversi livelli li ġie inawgurat lura fl-2020.
“Dan il-programm ta’ investiment aġġornat, partikolarment il-pjanijiet għat-tkabbir tat-terminal lejn in-naħa tal-Lvant, huwa xhieda tal-impenn tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li jkompli jtejjeb l-esperjenza tal-viżitaturi. Id-disinn li għażilna għal din il-binja l-ġdida se jkun qed jintegra elementi kontemporanji, ma’ oħrajn iżjed familjari, hekk kif aħna lesti biex inħarsu lejn il-futur u niktbu l-paġna li jmiss fl-istorja tal-ajruport Malti, filwaqt li nibqgħu kburin bil-passat tagħna,” qal il-Kap Eżekuttiv Alan Borg, filwaqt li wera l-fiduċja tiegħu fit-tim tal-ajruport u l-imsieħba tiegħu, biex għal darb’oħra jqumu għall-okkażjoni.
Dan il-programm ta’ €345 miljun se jkun qed jara lill-kumpanija tinvesti aktar fl-infrastruttura tal-ajruport biex tkun tista’ tilħaq il-miri ambjentali tagħha, inkluż li tilħaq in-newtralità karbonika. L-installazzjoni tal-ħames impjent fotovoltajku, li se jirdoppja l-kapaċità tal-ajruport li jipproduċi enerġija nadifa u li mistenni jkun ikkummissjonat fit-tielet kwart tal-2025, se jkun akkumpanjat minn diversi miżuri oħra għal enerġija iżjed nadifa, inkluż titjib fis-sistemi tal-arja kkundizzjonata u l-ventilazzjoni (HVAC).
//= $special ?>