Lokali

“Min jipprova jintimida lill-għalliema hu l-akbar għadu tal-libertà tal-espressjoni” – PN

Ritratt: Matthew Tabone
Il-PN jikkundanna l-mod kif il-Gvern qed jipprova jpoġġi sarima ma’ ħalq l-edukatur; għalliema mwissija għax ikkritikat lill-Ministru

Min jipprova jintimida lill-għalliema huwa l-akbar għadu tal-libertà tal-espressjoni. L-edukaturi huma dawk li jgħallmu lil uliedna dwar l-importanza li nesprimu ruħna u dwar id-dritt li għandna li nagħmlu dan.

Hekk sostna iI-Partit Nazzjonalista fi stqarrija fejn sepjega kif min jikkritika lill-Gvern ta’ Robert Abela, ipattiha qares.

Għalliema li dan l-aħħar esprimiet it-tħassib tagħha waqt programm fuq it-televiżjoni spiċċat imwiddba għax azzardat tikkritika lill-Gvern, u bagħat għaliha l-Kap tal-Iskola fuq ordni li ngħata mill-Ministeru. 

Dan l-aġir ifakkarna fil-Gvern tat-tmeninijiet u ma jagħmilx ġieh lil Gvern li jgħid li jemmen fil-libertà tal-espressjoni u fl-edukaturi tagħna.

Ministru li jagħti ordni lil ta’ taħtu biex iwissi lil għalliema tiegħu huwa mistħija għall-Ministeru li jirrappreżenta.

Il-Ministru Clifton Grima kemm-il darba qal li qatt ma waqqaf lil xi edukatur milli jikkritika jew jitkellem (ara l-ħolqa aktar ’l isfel), imma dak li seħħ fl-aħħar jiem juri biċ-ċar li bejn il-kliem tal-Ministru u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.

Fl-istess programm fejn din l-għalliema esprimiet l-inkwiet tagħha, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembri kien propju fakkar dwar id-dritt li edukatur jitkellem bla biża’. Dan fid-dawl ta’ ċirkolari li kienet ħarġet mill-Ministeru ta’ Clifton Grima li kienet tordna li għalliema jitolbu l-permess mingħandu biex jitkellmu fil-pubbliku. Ċirkolari li qalgħet baraxx ta’ kritika, inkluż mid-Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università.

Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna bis-saħħa kull intimidazzjoni li ssir lill-għalliema tagħna.

Il-PN jibqa’ jpoġġi lill-għalliema u l-edukaturi kollha fuq l-ogħla pedestall għaliex huwa fuq il-ħidma imprezzabbli tagħhom li hija msejsa s-soċjetà tagħna tal-lum, ta’ għada u tal-futur.

Niżżel is-silta mid-diskors ta’ Clifton Grima fil-Parlament minn hawn.